Ħatriet ġudizzjarji: Il-każ ta’ Repubblika jibda jinstema’ fl-UE

Jason Azzopardi / Facebook

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lbieraħ bdiet tisma’ l-każ li ressqet l-għaqda Repubblika dwar ħatriet fil-ġudikatura Maltija fl-2019.

Il-każ jirrigwarda tliet imħallfin u tliet maġistrati li ġew appuntati mill-Gvern f’April tal-2019 minkejja t-twissija li tatu l-Kummissjoni Venezja f’Diċembru ta’ qabel dwar il-mod kif jinħatru l-ġudikanti f’Malta. Repubblika argumentat li b’hekk, il-Gvern kiser it-Trattat tal-Unjoni Ewropea li jħares lejn l-indipendenza tal-ġudikatura.

L-Avukat Jason Azzopardi, li jirrappreżenta lill-NGO, qal li l-Qorti qed tagħti ħafna importanza lil dan il-każ, u fil-fatt instema’ quddiem 15-il imħallef minflok ħamsa, kif normalment isir. Il-każ instema’ fil-Lussemburgu.

Ninsab hawn fis-Sala l-Kbira tal-Qorti Ewropea tal-Gustizzja fil-Lussemburgu fejn dalghodu l-Qorti ser tisma’…

Posted by Jason Azzopardi on Monday, October 26, 2020

Il-Gvern Malti kien rappreżentat minn avukati Spanjoli li, naturalment, tkellmu bl-Ingliż. Il-ġurnalist Manuel Delia kiteb li l-Qorti kellha xi mistoqsijiet għall-avukati tal-Gvern Malti fuq il-kostituzzjoni Maltija li l-avukati ma setgħux iwieġbu.

Dr Jason Azzopardi elenka lista ta’ deċiżjonijiet meħudin mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat u qal li kien hemm dubji leġittimi fuq in-newtralità tal-persuni maħturin. Semma kif issa, il-liġi biddlet is-sistema minn waħda li tagħti poter sħiħ lill-PM għal waħda li biha, il-PM bilkemm għandu poter.

Għaldaqstant, staqsa għaliex il-Gvern qed jiddeċiedi dan il-każ jekk huwa stess bidel il-liġi dwar il-kwistjoni.

Il-kwistjoni tal-lingwa

Min-naħa tiegħu, l-eks kandidat għal MEP Peter Agius ikkummenta fuq kif il-Gvern Malti donnu jistħi juża l-lingwa Maltija, minkejja li Repubblika ressqet il-każ bil-Malti, il-Qorti laqgħetu bil-Malti u l-Kummissjoni Ewropea titkellem bil-Malti.

Agius, li hu voċiferu ħafna fuq l-użu tal-lingwa Maltija fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, staqsa, allura, għaliex il-Gvern Malti uża l-Ingliż.

Il-gvern jaqaw jistħi jitkellem bil-Malti?🇲🇹Kawża ta' Repubblika fil-Qorti Ewropea:👉🏼Repubblika tressaq il-każ…

Posted by Peter Agius on Tuesday, October 27, 2020

Il-konklużjonijiet għandhom jingħataw fis-17 ta’ Diċembru, u l-każ imbagħad mistenni jinqata’ fl-2021.