Ħatriet Ġudizzjarji: Il-Qorti Kostituzzjonali se tirreferi l-każ lill-Qorti Ewropea

Read in English.

Aġġornata bl-istqarrija tal-Gvern, ta’ Repubblika u tal-PN

Il-każ tal-ħatriet ġudizzjarji se jiġi referut lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, wara digriet maħruġ mill-Qorti Kostituzzjonali.

L-għaqda mhux governattiva Repubblika kienet fetħet kawża kontra l-Gvern dwar il-ħatriet tal-Imħallfin u l-Maġistrati. Repubblika kienet talbet referenza preliminari lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

6 ħatriet ġodda fil-ġudikatura; 3 imħallfin u 3 maġistrati

Repubblika qed targumenta li l-Gvern qed imur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, meta esprima l-intenzjoni li jkompli jaħtar il-ġudikanti bl-istess proċedura sakemm jimplimenta t-tibdil fis-sistema.

Repubblika titlob lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-ħatriet tal-ġudikatura

L-abbozz ta’ referenza lill-Qorti Ewropea se jingħata lill-partijiet fil-kawża nhar is-7 ta’ Novembru, sabiex dawn ikunu jistgħu jikkummentaw qabel tintbagħat lill-Qorti Ewropea.

L-Imħallef Mark Chetcuti fid-digriet li ta t-Tnejn stqarr li l-materja hi “waħda delikata u ta’ interess nazzjonali b’riperkussjonijiet serji ħafna”. Dawn ir-riperkussjonijiet mhumiex biss għas-sistema ġudizzjarja iżda wkoll għas-soċjetà kollha li b’xi mod jew ieħor tmiss mal-Qrati Maltin, saħaq l-Imħallef.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li hi konvinta li huwa bżonnjuż li ssir referenza lill-Qorti Ewropea, bil-Qorti tilqa’ t-talba u titlob li din issir fl-iqsar żmien possibli.

L-avukati Jason Azzopardi u Simon Busuttil qed jidhru għall-għaqda Repubblika.

Il-Gvern se jitlob formalment permess għall-appell

Fi stqarrija l-Gvern qal li se jkun qed jitlob formalment permess għall-appell għad d-digriet li ngħata llum mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.

Repubblika trid ġudikatura indipendenti

B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti, Repubblika saħqet li l-iskop ta’ din il-kawża mhu xejn ħlief li jiġi żgurat li l-ġudikatura f’Malta ma titlifx l-indipendenza tagħha. Fissret li dan kollu seta’ ġie evitat li kieku l-Prim Ministru ma abbużax mill-poter tiegħu biex jimla l-ġudikatura bin-nies tiegħu.

Bżonn metodu tassew indipendenti – Adrian Delia

Minn naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li jekk verament il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu għal qalbu r-rispett lejn il-liġi għandu jwettaq immedjatament it-tibdil fil-ħatriet tal-Imħallfin u tal-Maġistrati b’metodu li jkun tassew indipendenti. Fi stqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia stqarr li l-poteri fil-ħatriet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jagħti lil din l-istituzzjoni wisq saħħa u qed toħloq riskji serji lir-rispett lejn il-liġi (Saltna tad-Dritt).

Il-Gvern diġà beda jimplimenta bidliet li l-PN ma ried qatt – PL

F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-PN ftit li xejn jista’ jkun kredibbli meta jitkellem dwar il-ħatriet tal-ġudikatura u s-sentenzi tal-istess Qrati, li ma jiqafx jattakka. Żied jgħid li kien Gvern Laburista li wettaq il-bidliet li naqqsu l-poter tal-Prim Ministru fil-ħatra ta’ ġudikanti ġodda.

Aqra iktar:

Il-Prim Imħallef xorta se jisma’ l-każ dwar il-ħatriet ġodda

Il-Gvern u Repubblika ma jaqblux dwar min rebaħ il-kawża dwar il-ħatriet tal-ġudikatura

L-avukati ta’ Repubblika jitolbu biex il-membri l-ġodda tal-ġudikatura ma jingħatawx każi