Read in English.
Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista eleġġa lid-Deputat Parlamentari Karol Aquilina bħala Segretarju tal-Grupp Parlamentari. Il-Partit Nazzjonalista ħabbar dan permezz ta’ stqarrija li fiha ġie spjegat kif il-ħatra saret bil-mod kif jipprovdi l-istatut tal-partit.
Dr Aquilina nħatar f’dan l-irwol waqt laqgħa li saret ilbieraħ fejn ġie nominat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u kien approvat mill-membri tal-Grupp Parlamentari.
Id-Deputat Robert Cutajar kien ikkonfermat bħala Whip tal-Grupp Parlamentari filwaqt li d-Deputat Karl Gouder inħatar bħala l-Assistent Whip wara li din il-pożizzjoni sfat vakanti bil-mewt tad-Deputat Għawdxi Fredrick Azzopardi.
Il-Kap tal-PN mill-ġdid sellem il-memorja ta’ Fredrick Azzopardi u rringrazzjah tax-xogħol siewi li wettaq tul ħajtu bħala Membru Parlamentari elett biex jirrappreżenta lill-Għawdxin.
Frederick Azzopardi miet fis-17 t’Ottubru fl-età ta’ 71 sena. Huwa kien ilu 22 sena Membru Parlamentari Nazzjonalista.