Ħatriet Ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech għamel ħatriet ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex.
L-Arċipriet tal-Parroċċa tal-Assunta fil-Katidral, ir-Rabat, Mons.Ġużeppi Attard inħatar Vigarju Episkopali għall-Katekeżi mal-Adulti.
L-għan tal-ħidma tiegħu hija li jikkordina l-operat tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali, l-evanġelizzazzjoni tal-adulti, ir-relazzjonijiet ekumeniċi fid-Djoċesi, l-għaqdiet u l-promozzjoni tal-formazzjoni teoloġika tal-lajċi.
Mons. Attard se jkun qed jieħu ħsieb ukoll il-promozzjoni tal-formazzjoni teoloġika tal-lajċi, b'mod partikolari se jikkordina programm li jgħin fid-dixxerniment tal-koppji f'relazzjoni kumplessa fid-dawl tal-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia tal-Papa Franġisku.
Minflok Mons. Ġużeppi Attard, Arċipriet tal-Parroċċa tal-Assunta nħatar Mons.Joseph Sultana.
Mons.Joseph Sultana kien Arċipriet tal-Parroċċa tal-Viżitazzjoni, l-Għarb.
Bħala Arċipriet tal-Għarb, Mons. Grech ħatar lil Mons. Trevor Sultana.
Mons.Sultana kien Kollaboratur Parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Santa Margerita.
L-Arċipriet tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, ir-Rabat , Mons.Pawlu Cardona nħatar bħala Vigarju Episkopali għall-Kleru.
L-għan tal-ħidma tiegħu huwa biex jibni l-komunjoni presbiterali u jsegwi aktar mill-qrib il-kleru djoċesan.
Bħala Arċripriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ se jinħatar Mons.Joseph Curmi.
Mons.Curmi kien Vigarju Parrokkjali fil-Paroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur.
Min-naħa tiegħu Dun Mark Bonello se jkun qiegħed jieħu l-irwol ta’ Mons. Curmi bħala Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur, kif ukoll se jkun id-Delegat tal-Isqof għall-Pastorali mal-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ.