Ħatriet fil-PBS: Carmen Sammut flok Tonio Portughese

Il-Gvern ħatar lill-Professur Carmen Sammut bħala ċ-Chairperson il-ġdid tal-Public Broadcasting Services (PBS). Dan intqal fi stqarrija li fiha l-Gvern ta rendikont tal-pożizzjonijiet il-ġodda fi ħdan il-Bord tal-PBS li nbidel illum fil-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Dan il-bord se jkun kompost minn chairperson, flimkien ma’ tmien persuni oħra bħala Diretturi li huma Dr Maria Brown, is-Sur Ray Calleja, is-Sur Jeremy Camilleri, is-Sur Engelbert Grech, is-Sur Albert Marshall, Dr Marthese Portelli, is-Sur Oliver Scicluna u Ms Adriana Zarb Adami.

Kif żvela Newsbook.com.mt, Tonio Portughese kien mistenni li ma jibqax jokkupa l-kariga hekk kif il-Gvern qed ikompli b’aktar tibdil fix-xandir nazzjonali.

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni kkwota lill-Ministru Carmelo Abela li taħtu jaqa’ x-xandir nazzjonali fejn qal li“l-bord se jwettaq ir-riforma meħtieġa ħalli l-istazzjon nazzjonali jkompli jtejjeb il-kwalità u jservi l-interess pubbliku billi jipprovdi kontenut tal-ogħla kwalità permezz ta’ proġetti ġodda li fiż-żmien li ġej għandhom isaħħu l-pjattaformi kollha ta’ TVM. Dan biex joffru xandir nazzjonali denju u li n-nies ifittxu għal produzzjonijiet ta’ livell li jkunu disponibbli wkoll fuq teknoloġiji emerġenti”.

Il-Ministru rringrazzja liċ-chairperson preċedenti Tonio Portughese għas-servizz li ta b’risq ix-xandir f’pajjiżna għal dawn l-aħħar seba’ snin.  Irringrazzja wkoll lid-Diretturi kollha li servew taħt il-gwida ta’ Dott. Portughese, fosthom lis-Sur Tony Cassar Darien u lil Dr Edward Cassar Delia li baqgħu f’dan il-bord sal-aħħar ġurnata.

Opportunità mitlufa biex issir riforma – Comodini Cachia

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Therese Comodini Cachia qalet li din l-aħbar hija prova li mhux veru li l-Gvern jixtieq li l-PBS ikun indipendenti u imparzjali.

Saħqet li din hija opportunità mitlufa biex il-PBS ikun stazzjon tan-nies billi ssir riforma.