Ħatra President: B’2 terzi f’2 tentattivi, inkella maġġoranza sempliċi

L-emendi biex fl-elezzjoni tal-President ta’ Malta jinħatar biż-żewġ terzi għaddiet mill-Parlament bl-Oppożizzjoni tivvota kontra wara li l-proposta kienet tinkludi ukoll li fl-eventwalità li wara żewġ voti biż-żewġ terzi ma jintgħażilx il-President, dan jintgħażel b’maġġoranza sempliċi.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said ippropona li f’dak il-każ, l-Aġent President jieħu l-Uffiċċju tal-President sakemm jintgħażel biż-żewġ terzi.

Din kienet waħda minn ħames abbozzi ta’ liġjiet li ġew approvat mit-tieni qari li kienu jinkludu wkoll it-tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura, il-ħolqien ta’ kummissjoni permanenti kontra l-korruzzjoni, emendi għal-liġi taċ-ċittadinanza u emendi kostituzzjonali oħra.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis stqarr li għall-ewwel darba mindu nħolqot fl-1988, il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni kienet qed tingħata snien biex tkun effettiva. Huwa qal li l-Gvern tneħħietlu ħafna mid-diskrezzjoni li kellu fuq il-ħatra tat-tliet membri tal-kummissjoni peress li ċ-chairperson se jkun appuntat biż-żewġ terzi, membru nominat mill-Gvern u l-ieħor mill-Oppożizzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici appella lill-Gvern biex jagħti iktar għodda lill-Kummissjoni Peranenti Kontra l-Korruzzjoni u biex jimplimenta l-Whistleblower Act.

Mifsud Bonnici qal li l-Oppożizzjoni kien qed tipproponi l-ħatra ta’ prosekutur speċjali li jaħdem id f’id ma’ maġistrat inkwirenti.

L-Oppożizzjoni tispjega

Fi stqarrija mibgħuta mill-Partit Nazzjonalista, ġie spjegat li l-Oppożizzjoni vvutat kontra dawn l-emendi għal żewġ raġunijiet: għax ħasset li l-Gvern kellu jippubblika u jikkonsulta dwar sitt abbozzi oħra li għadhom ma ġewx ippubblikati u mgħoddija lill-Oppożizzjoni, minkejja li l-Gvern diġà għadda l-ewwel qari tagħhom fil-Parlament, u peress li għalkemm dan huwa pass tajjeb, xorta fadal punti importanti li l-Oppożizzjoni trid li jkunu inklużi.

L-istqarrija tgħid li l-Oppożizzjoni kienet ċara mill-bidu nett li dawn l-emendi fil-Kostituzzjoni u liġijiet oħra li qed isiru konsegwenza tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja għandhom isiru f’pakkett wieħed, “u mhux kif jaqbel lill-Gvern li jgħaddi l-ewwel fejn għandu bżonn il-vot tal Oppożizzjoni u wara jirrombla minn fuq kulħadd b’liġijiet oħra li m’għandux bżonn il-vot tal-Oppożizzjoni.”

Tissokta tgħid illi l-punti li jonqos li jiġu inklużi huma li għall-ebda raġuni l-Prim Imħallef u l-President ma jkunu jistgħu jinħatru b’maġġoranza sempliċi tal-Parlament, u anke dwar it-tneħħija tal-Parlament mill-proċess tat-tneħħija tal-ġudikanti.

L-Oppożizzjoni stqarret li jekk dawn it-tibdiliet jiġu aċċettati u l-Gvern jippubblika l-abbozzi li fadal u jikkonsulta dwarhom mal-Oppożizzjoni, allura fl-istadju tat-tielet qari, l-Oppożizzjoni tkun f’pożizzjoni li tivvota favur dawn l-emendi kostituzzjonali.

Il-Gvern qed jgħaġġel ir-riformi b’dibattiti kuljum – Repubblika

Min-naħa tagħha, Repubblika tenniet li ma taqbilx mal-Gvern li qed iżomm l-għażla tal-President u tal-Prim Imħallef f’idejh, peress li dawn għandhom irwol determinanti fl-għażla tal-ġudikanti u l-kontroll tal-Gvern se jibqa’ jfisser indħil mhux aċċettabbli fl-indipendenza tal-ġudikatura.

Fl-istess waqt, l-għaqda qablet mal-proposta finali leġiżlattiva li għamel il-Gvern li t-tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura ssir biss mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u jieqaf l-indħil tal-Parlament f’dawn is-sitwazzjonijiet. “Ma naqblux għalhekk mar-riservi li nafu li
esprimew xi membri tal-ġudikatura li donnhom qed jinsistu li l-politiċi jżommu l-poter li
jipproteġuhom milli jiġu dixxiplinati f’każi serji ta’ nuqqas li jkun jiġġustifika t-tkeċċija,” stqarret l-għaqda.

Hija temmet l-istqarrija tagħha billi qalet li taħseb li l-Gvern qed jgħaġġel dawn ir-riformi permezz ta’ dibattiti ta’ ftit sigħat kuljum, li waqthom jinjora r-riservi importanti li qed jiġu espressi. Dan, skont l-għaqda, imur kontra l-pariri tal-Kummissjoni Venezja li ssir konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili.

Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza