Ħatra ġdida mill-Papa għal Mons. Alfred Xuereb

Il-Papa Frangisku ħatar lil Mons. Alfred Xuereb bħala Prelat Segretarju Ġenerali tas-Segreterija għall-Ekonomija tas-Santa Sede. Id-digriet tal-ħatra ġie ffirmat dalgħodu stess mill-Papa, flimkien mad-digriet tal-ħatra tal-Kardinal George Pell bħala Prefett tal-istess Segreterija.
 
Is-Segreterija l-ġdida għandha fir-responsabbiltà tagħha l-funzjonijiet ekonomiċi u amministrattivi kollha tas-Santa Sede u tal-Istat tal-Vatikan. Għandha wkoll l-istess livell ta' dmirijiet u drittijiet bhal dik tas-Segreterija tal-Istat.
 
Din is-Segreterija hi struttura ġdida li tirrispondi direttament lill-Papa, li se jkun mgħejjun ukoll minn Kunsill għall-Ekonomija magħmul minn 15-il membru, 8 minnhom Kardinali u l-kumplament lajċi esperti magħżulin b'mod li jirriflettu l-universalità tal-Knisja Kattolika.
 
Din id-deċizjoni tal-Papa hi riżultat tal-konsultazzjoni li saret mal-Kunsill tat-8 kardinali, kif ukoll ma' dak tal-15-il Kardinal, fuq il-pariri li ngħataw mill-Kummissjoni għar-riformi tal-istrutturi ekonomiċi fis-Santa Sede.
 
Din il-Kummissjoni hija ppreseduta mill-Ekonomista Joseph F.X. Zahra u l-pariri tagħhom ġew approvati unanimament mill-Kunsilli tal-kardinaldi membri kollha.
 
Żvilupp ieħor mistenni jiġi mħabbar fil-futur qarib hu t-twaqqif tal-Uffiċċju ta' Awditur Ġenerali, bil-kompetenza li jirreferi direttament lill-Papa u lill-Kunsill għall-Ekonomija biex ikun jista' jniedi studju dwar l-istrutturi ekonomiċi u amministrattivi tas-Santa Sede.