Ħatra ġdida għall-Arċisqof Scicluna

Il-Vatikan għadu kif ħabbar illi l-Arċisqof Charles Scicluna inħatar membru tal-Kummissjoni tal-Kontroversji. Din hija kummissjoni li titwaqqaf kull meta jkun hemm Sinodu tal-Isqfijiet biex issolvi xi kwistjonijiet ġjuridiċi li jistgħu jinqalgħu waqt is-Sinodu.

Il-president tal-Kummissjoni huwa l-Kardinal Giuseppe Versaldi, il-prefett tal-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika waqt li l-Isqof Godfrey Igwebuike Onah ta’ Nsukka fin-Niġerja huwa l-membru l-ieħor.

It-tema tas-Sinodu li se jsir bejn it-3 u t-28 ta’ Ottubru fil-Vatikan hija marbuta maż-żgħażagħ. L-Arċisqof Scicluna se jkun qiegħed jirrapreżenta lill-Konferenza Episkopali Maltija.

Is-Sinodu tal-Isqfijiet kien twaqqaf mill-Papa Pawlu VI f’Settembru 1965 b’risposta għax-xewqa tal-Konċilju Vatikan II li jitkompla fil-Knisja l-ispirtu ta’ kolleġġjalita li kien inbeda fl-istess Konċilju. Tul il-laqgħa l-isqfijiet flimkien u taħt id-direzzjoni tal-Papa jiddiskutu temi partikolari u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u ta’ mistednin speċjali dwar dawn it-temi bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet u inizjattivi pastorali.

Is-Sinodu ta’ din is-sena huwa l-ħmistax assemblea ordinarja tal-isqfijiet.