Ħatja li ppruvat ittajjar lill-ġara wara li argumentaw fuq raġel

Mara nstabet ħatja li weġġgħet lill-ġara tagħha huma u jiġġieldu fuq raġel sitt snin ilu. Il-mara ta’ 36 sena minn Ħal Qormi ngħatat sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiża għal erba’ snin. Il-liċenzja tas-sewqan tagħha ġiet sospiża għal tliet xhur.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli semgħet kif iż-żewġ nisa kellhom xi jgħidu wara li oħt il-vittma kellha x’taqsam mar-raġel tal-akkużata. Il-każ imur lura għas-6 t’Awwissu tal-2014 fi Triq San Bastjan f’Ħal Qormi.

L-akkużata qalet li dakinhar tal-inċident, hija kienet ipparkjat qrib kafetterija u kellha lil binha bilqiegħda fuq wara tal-karozza. Allegat li ħin minnhom, il-vittma attakkat il-karozza tagħha b’kanna u bdiet tagħti biha mat-tieqa fejn kien bilqiegħda binha. Hija rriversjat u laqtet il-bankina, u mbagħad marret l-għassa tal-pulizija biex tagħmel rapport.

Iżda mix-xhieda tal-vittma ħareġ li l-argument kien beda ġimgħa qabel meta l-akkużata ħabbtet fuq il-bieb tad-dar tal-vittma, peress li huma ġirien, fis-2am, għax bdiet tissuspetta li kien hemm l-eks sieħeb t’oħtha ġewwa. Il-vittma stqarret li hi ma fetħitx il-bieb. Imbagħad, l-għada, il-vittma rċeviet għadd ta’ telefonati ta’ theddid mingħand l-akkużata u oħtha. Spjegat fil-qorti li beżgħet u marret toqgħod xi mkien ieħor għal ġimgħa u marret lura għad-dar biss biex tiġbor xi affarijiet mal-pulizija.

L-allegata vittma kompliet tgħid fix-xhieda tagħha li kienet qed issuq f’Ħal Qormi l-għada u rat lill-akkużata ħdejn kafetterija. Kellhom xi jgħidu u l-akkużata ħarġet sikkina u niffditha f’id il-vittma, waqt li din bdiet tipprova tgħatti żaqqha. Il-vittma allegat li l-akkużata mbagħad ippruvat ittajjarha u laqtitilha l-karozza.

In-nisa bdew jgħajru lil xulxin u ntużat sieq ta’ mejda fil-viċin biex issir il-ħsara lill-karozza tal-akkużata.

Il-Maġistrat Demicoli osservat li x-xhieda tal-vittma hija iżjed kredibbli minn tal-akkużata, u tirrifletti dak li hemm fil-filmati tal-kameras tas-sigurtà, li juru lill-akkużata tiġri lejn il-karozza u ssuqha ħdejn tal-vittma malli lemħitha. Apparti dan, l-inċident ħalla lill-vittma b’suba’ mgħawweġ.

Il-Qorti ħasset li peress li l-akkużata għandha kondotta nadifa, għandha tagħtiha sentenza sospiża. L-akkużata nstabet ħatja u ġiet ikkundannata għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Hija ma tistax issuq għal tliet xhur. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni għal sentejn favur il-vittma. Il-mara li nstabet ħatja ntalbet tħallas €2,209 fi spejjeż tal-qorti.