Ħatja li ma ħaditx ħsieb żewġ anzjani; tonqsilha l-piena

Mara mis-Serbja tnaqqsitilha l-piena tal-ħabs fil-Qorti tal-Appell. Hi kienet instabet ħatja li poġġiet il-ħajja ta’ żewġ anzjani fil-periklu u li kkawżatilhom tbagħtija bla bżonn. Huma mbagħad mietu. Minkejja dan, il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li ma kienx hemm provi ta’ rabta bejn it-trattament tagħha u mewthom.

Dragana Mijalkovic, mara ta’ 45 sena, weħlet ħames snin u nofs ħabs talli poġġiet il-ħajja ta’ Neville Ayers u David Grant fil-periklu. Iż-żewġ anzjani Ingliżi nstabu mejta fl-appartament tagħha. Il-Qorti kienet semgħet kif il-mara ħadet filmati taż-żewġ anzjani sa sigħat qabel mewthom, bil-Maġistrat tisħaq li kienu jidhru bla saħħa. Kienet qalet li dan kien kuntrarju ta’ dak li kienet qed tigdeb meta qalet li l-anzjani kienu ‘normali’.

Aqra: ‘Xeni ta’ qsim il-qalb’; Toħdilhom il-filmati sa sigħat qabel mewthom

Fl-appell hi qalet li ma kelliex interpretu l-ħin kollu u li ma kelliex avukat fiż-żewġ stqarrijiet lill-Pulizija. Barra minn hekk, qalet li l-espert mediku kien l-istess wieħed li għamel l-inkjesta u li l-ispejjeż tal-esperti ma ġewx ikkalkulati sew. Minħabba dawn ir-raġunijiet, qalet li ma kelliex smigħ xieraq.

Il-Qorti tal-Appell laqgħet l-argumenti tagħha dwar l-istqarrijiet u l-ispejjeż, imma ċaħdet l-oħrajn.  Il-Qorti ukoll qalet li għalkemm l-ewwel deċiżjoni kienet korretta, ma kienx hemm provi li juru li n-nuqqasijiet tagħha kienu li qatlu lill-anzjani.

Il-Qorti ddeċidiet li tnaqqas il-piena ta’ ħabs għal erba’ snin flok ħames snin u nofs. L-ispejjeż tal-esperti wkoll naqsu minn €14,518 għal €5,168. Però, il-Qorti żammet id-deċiżjoni li la Mijalkovic toħroġ mill-ħabs, ikollha titlaq minn Malta.