Ħatja li kienet tieħu l-flus mill-kontijiet tad-dawl u tal-ilma

Charmaine Cini ta’ 41 sena minn Wied il-Għajn ingħatat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ġiet ordnata trodd lura ftit aktar minn €15,000 li ħadet mingħand ħames konsumaturi tal-kumpanija Arms.
Hija kienet taħdem ma’ kumpanija privata responsabbli mis-servizz tal-customare care tal-ARMS.
Il-mara ġiet akkużata li ffrodat ħames familji meta żammet għandha flus li bihom kellhom jitħallsu l-kontijiet pendenti tad-dawl u tal-ilma kif ukoll li stampat u għamlet użu minn dokumentazzjoni bla awtorizzazzjoni.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li meta kienet twieġeb it-telefonati tal-konsumaturi li kienu jilmentaw magħha fuq kontijiet għoljin, kienet tgħidilhom li ma kellhiex soluzzjoni. Madankollu wara li taqta’ minn magħhom kienet iċċemplilhom lura min-numru personali tagħha u tgħidilhom li tista’ tgħinhom.
Minn tagħhom in-nies bdew jafdawlha l-flus bil-ħsieb li se ssolvilhom il-problemi. Madankollu hekk kif irċevew kont ieħor, il-familji ntebħu li baqa’ kollox kif kien, b’uħud waslitilhom twissija li kienu se jinqatgħalhom id-dawl jekk ma jħallsux.
L-akkużata wieġbet ħatja u qalet li ma setgħetx tigdeb dwar l-aġir tagħha.
Min-naħa tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella rrifjutat it-talba tad-difiża biex isem il-mara ma jixxandarx.
Fi stqarrija l-kumpanija l-Enemalta qalet li ħadmet id f’id mal-Pulizija fl-investigazzjoni tagħha. Stqarret li Charmaine Cini mhix impjegata mal-Enemalta plc u lanqas tal-kumpanija sussidjarja tagħha ARMS.
L-Enemalta ħeġġet lill-klijenti tagħha biex iħallsu l-kontijiet tagħhom permezz ta’ metodi kif spjegati fit-tagħrif li jingħata ma’ kull kont.
F’każ ta’ għajnuna wieħed jista’ jikkuntattja lil Enemalta fuq 8007 2224.