Ħati li żamm splussiv bla permess f’kamra tan-nar f’Għawdex

Anthony Cauchi ta’ 72 sena nstab hati li żamm splussiv bla permess f’kamra tan-nar fl-Għarb f’Għawdex.
Il-Qorti tatu sentenza sospiża bi 18-il xahar ħabs u €30,000 multa esklużi l-ispejjeż tal-Qorti.
Fost l-akkużi miġjuba kontrih, Cauchi ġie akkużat li daħħal f’Malta porvli tal-isparar jew spussivi oħra mingħajr liċenzja biegħ u ħażen porvli jew splussivi mingħajr permess, ġarrhom minn post għall-ieħor u kellu munizzjon mingħajr ma kellu l-liċenzja meħtieġa.
Jirriżulta li waqt spezzjoni li saret fi Frar li għadda, fil-kamra tan-nar ‘Madonna tal-Virtu’, limiti tal-Għarb f’Għawdex, nstabu ammont ta’ materjal splussiz miżmum illegalment.
Fost l-affarijiet li nstabu kien hemm ammont ta’ ċomb, detonators, air rifle u det cords. Instabu wkoll €63,900 fi flus kontanti.
B’referenza ċara għall-isem tal-kamra tan-nar, il-Maġistrat saħaq li l-ebda qaddis ma jbierek l-illegalità f’gieħ ismu.
Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud jikkwota min-Nota Pastorali dwar il-logħob tan-nar maħruġa mid-Djorċesi ta’ Għawdex f’Mejju 2012 u fakkar fid-direttivi biex ħadd ma jabbuża jew jikser il-liġijiet tal-pajjiż f’isem xi qaddis jew ieħor.