Ħati li refa’ idu fuq martu; libertà proviżorja

Raġel ta’ 28 sena mir-Rabat Għawdex ingħata l-libertà bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li jekk l-akkużat iwettaq reat f’dan il-perjodu jidħlu fis-seħħ il-pieni għar-reati oriġinali.

Ir-raġel kien akkużat li f’Awwissu tal-2017 huwa ħebb għal martu u kkaġunalha feriti gravi. Huwa kien akkużat ukoll li hedded u insulenta lil martu kif ukoll li kiser il-paċi pubblika u li bħala uffiċjal tal-armata huwa kien fl-obbligu li dan l-inċident ma jseħħx.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud il-mara tal-akkużat qalet li hija wara li lestiet dak li kellha x’tagħmel id-dar ħadet it-tfal il-baħar u kif kienet hemm tellgħet ritratt li kien jinkludi parti minn saqajha. Hija kompliet li kif waslet id-dar lestiet it-tfal u daħħlithom jorqdu. Sadanittant hija bdiet tirċievi diversi messaġġi li fihom l-akkużat beda jgħajjarha.

Kompliet li ftit wara r-raġel wasal id-dar u refa’  idu fuqha filwaqt li qallha biex tippakkja u titlaq. Hija spjegat li din mhux l-ewwel darba li ġrat u stqarret li kienet tibża’ minnu, għalhekk hija marret tippakkja, bir-raġel baqa’ jiġri warajha,sabbatha mal-bieb, ħatafha minn għonqha u kaxkarha l-kuritur biex jitfagħha ‘l barra. Il-mara qalet li min-naħa tagħha hija dejjem beżgħet tirraporta għax hu dejjem kien jheddida.

Il-mara qalet li waqt li kienet qed tippakkja huwa waddbilha banketta żgħira tat-tfal u laqat il-linfa bil-konsegwenza li din waqgħet maġenba. Spjegat li sadanittant it-tfal qamu u bdew jibku. Min-naħa tagħha hija ma xtaqetx titlaq mingħajr it-tfal. Għalhekk wara li pruvat terġa’ tidħol marret fil-karozza u ċemplet lil missier ir-raġel. Wara li wasal missier ir-raġel hija ħadet lit-tfal u marret għand ommha. Minn hemm marret ma’ missierha għand il-pulizija. Il-mara qalet li r-raġel tagħha qallha li tista’ terġa’ tmur lura sas-7pm bit-tfal u jekk ma tagħmilx dan kien se jmur jispara lilhom u lilha. Il-mara qalet li matul dan l-inċident hija kisret sieqha.

Min-naħa tiegħu l-akkużat qal li huma kellhom argument fuq ir-ritratt għax il-mara ma riditx tneħħih u fis-saħna tal-argument qallha biex titlaq. Huwa ċaħad li qabadha minn għonqha, kaxkarha u sabbatha mal-bieb. Żied li hu ma kienx jaf li kisret sieqha u sar jaf mingħand il-pulizija wara li din marret tagħmel ir-rapport.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li jinsab konvint li r-raġel kkaġuna ferita ta’ natura ħafifa fuq il-mara u għalhekk instab ħati ta’ dan kif ukoll li qabadha minn għonqha. Huwa nstab ħati wkoll li insulentaha. Għaldaqstant il-Maġistrat Joe Mifsud tah il-libertà bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien 3 snin.