Ħati li kkaġuna l-mewt ta’ sieħbu; sentenza sospiża

Read in English.

Terence Tanti ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati ta’ omiċidju involontarju ta’ Matthew Meilak fl-1 ta’ Jannar 2015.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.45am fi Triq ir-Rabat fin-Nadur wara li ż-żgħażagħ kienu sejrin lura minn festin privat li sar ġo Farmhuse fin-Nadur. Iż-żagħżugħ instab ħati wkoll li kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Matthew Meilak li kien student tal-liġi miet wara li sofra ġrieħi serji f’rasu. Fil-karozza kien hemm erba’ żgħażagħ li wieħed minnhom kien sofra ġrieħi serji.

Fil-verdett tagħha l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li skont l-evidenza l-akkużat tilef fil-kontroll tal-karozza minħabba li l-art kienet imxarrba. Il-Maġistrat innutat ukoll li Tanti kien għaddej b’veloċità eċċessiva u t-tyres tal-karozza ma kinux f’kundizzjoni li wieħed isuq bihom kif ukoll li ż-żagħżugħ kien ikkonsma ammont konsiderevoli ta’ alkoħol u kien fil-pussess ta’ pilloli li possibliment huma illiċiti.

Fil-Qorti l-avukat difensur qal l-kawża tal-inċident kienet ħsara fil- balljoint tan-naħa tal-lemin. L-avukat insista li l-akkużat jiftakar dak kollu li pprova jagħmel sabiex jevita li jaħbat, żied li l-konsum tal-alkoħol ma kellux effett fuq is-sewwieq.

Il-Maġistrat fis-sentenza tagħha qalet li Tanti kien qed isuq b’veloċità eċċessiva tant li mad-daqqa Meilak inħareġ mill-karozza kif ukoll li x-xorb affettwa l-abiltà tas-sewwieq. Il-Qorti nnutat ukoll li ż-żgħażagħ ma kellhomx ċinturin tas-sigurtà fuq wara kif ukoll li ż-żgħażagħ kienu konxji li ż-żagħżugħ kien taħt l-effett tal-alkoħol minħabba li matul il-lejl kienu flimkien.

Għalhekk il-Maġistrat sabet lil Tanti ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi b’erba’ snin kif ukoll li jħallas l-ispejjeż tal-Qorti.