Ħati li abbuża 195 raġel f’Manchester; għomru l-ħabs

Raġel instab ħati li abbuża minn tal-anqas 195 raġel fuq medda ta’ sentejn u nofs f’Manchester. Huwa ġie kkundannat il-ħabs għal għomru.

Il-Pulizija temmen li l-Indoneżjan ta’ 36 sena kien jikkonvinċi lill-irġiel imorru l-flett tiegħu billi jagħmilha tas-“Samaritan it-tajjeb”, imbagħad kien jiddrogahom u jattakkahom wara li jintilfu minn sensihom. Huwa qal li l-vittmi tiegħu kienu jieħdu gost jipparteċipaw fil-fantasija sesswali tiegħu, li jkunu għat-taparsi mejtin waqt l-att sesswali. Ħafna mill-irġiel jinstemgħu jonħru waqt li hu jistuprahom. Il-vittmi tiegħu kienu normalment studenti universitarji ta’ 20 sena, ftit inqas jew ftit iktar.

Instab li Reynhard Sinaga wettaq 159 offiża, fosthom 136 stupru li ffilmja fuq żewġ mowbajls. Il-Pulizija għadha trid tidentifika tal-inqas 70 mill-vittmi tiegħu. Huwa mar joqgħod ir-Renju Unit fl-2007 meta kellu 24 sena.

Il-Prosekutur Ian Rushton sejjaħlu l-iżjed raġel li stupra b’mod prolifiku fl-istorja legali Brittanika. Illum fil-qorti ngħata s-sentenza ta’ għomru l-ħabs, b’terminu minimu ta’ 30 sena.