Ħati b’pussess ta’ droga; ordnat iħallas €90

Arkivji

Raġel ittella’ l-qorti b’akkuża ta’ pussess ta’ droga. Il-qorti mmultat lill-akkużat €90 wara li kien misjub ħati li kellu fil-pussess tiegħu l-kokaina.

Huwa kien arrestat f’Ottubru tal-2014 meta l-Pulizija ta’ kontra d-drogi għamlet tfittxija f’Paceville. L-Uffiċjali sabu fil-pusses tar-raġel, boroż żgħar ta’ kokaina fil-kartiera kif ukoll ammont żgħir ieħor bejn il-mowbajl u l-cover. Instabet ukoll karta tal-€100 falza fil-kartiera mal-bqija tal-flus li kienu jammontaw għal €380. Tliet boroż simili ta’ dawk li kellu fil-pussess tiegħu, instabu fil-viċinanzi ta’ fejn kien arrestat iżda hu ċaħad li kienu tiegħu.

Il-Pulizija qalet li wara ġie magħruf li r-raġel kien qed jikser il-ħinijiet ordnati lilu ta’ meta kellu jirritorna lura d-dar. Din l-ordni kienet ingħatatlu f’digriet ta’ pleġġ aktar kmieni. Ir-raġel għandu tliet każijiet oħra pendenti l-qorti.

Huwa ċaħad li qatt biegħ id-droga u qal li hu kien sempliċiment jagħmel użu minnha. Huwa kien misjub ħati ta’ pusses ta’ kokaina u ġie ordnat iħallas multa ta’ €90. Il-qorti ċaħdet talba għar-revoka tal-garanzija tar-raġel.