Ħatfu t-tfal lejn il-Ġermanja għax “il-proċess f’Malta twil wisq”

Ħaddiema soċjali Ġermaniżi li ħatfu żewġt itfal lejn il-Ġermanja waqt li kienu taħt il-kura tal-Appoġġ, qalu li għamlu hekk għax il-proċess f’Malta kien qed jieħu wisq żmien.
Quddiem il-Qorti, ir-rappreżentant tal-Aġenzija Appoġġ Joseph Antoncich spjega kif fis-6 ta’ Lulju li għadda, ħaddiema tal-aġenzija taw it-tfal lill-ħaddiema soċjali Ġermaniżi għal ġurnata fejn kellhom jittieħdu ġurnata l-baħar. Qal li ma ġiex miftiehem ħin meta t-tfal kellhom jiġu rritornati. It-tfal għandhom sentejn u erba’ snin.
Joseph Antoncich qal li ġara iżda li ż-żewġt itfal flimkien mal-ħaddiema soċjali Ġermaniżi, minflok ma marru l-baħar, dakinhar stess qabdu ajruplan lejn il-Ġermanja. 
Ġie spjegat li malli l-Aġenzija Appoġġ saret taf b’dan, mal-ewwel sar rapport lill-Pulizija. Ir-rappreżentant tal-Appoġġ saħaq għal bosta drabi li l-aġenzija ma kellha l-ebda indikazzjoni li t-tfal kienu se jittieħdu lejn il-Ġermanja.
Id-deċiżjoni finali dwar dan il-każ mistennija tingħata l-ġimgħa d-dieħla.
Aktar  kmieni il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri kellha kliem iebes fil-konfronti tal-aġenzija Appoġġ meta infetħet inkjesta indipendenti dwar dan il-każ.