“Ħassru l-intervista għax it-tifel miet…” – Peppi

Il-ġurnalist u preżentatur Peppi Azzopardi, li ismu hu sinonimu wkoll mal-Istrina, qasam esperjenza partikolari ta’ meta darba kien qed jikkordina intervista ma’ familja b’tifel marid. 
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, Peppi Azzopardi ddeskriva kif issummatu telefonata ta’ missier it-tifel, li ċempillu biex iħassar l-intervista, u meta hu staqsieh lura meta l-aħjar li jagħmluha, il-missier wieġbu, “Ma nistgħux għax miet”.
Peppi semma esperjenzi oħra li jiltaqa’ magħhom, u li jġiegħluh jaħseb dwar għaliex ħafna drabi nagħmluha bi kbira fuq affarijiet żgħar. 
Irrefera fost l-oħrajn għal familja b’tifel ta’ tliet snin li għandu problema fil-kliewi, bil-missier jidħol l-isptar biex jagħti kilwa lil ibnu, filwaqt li l-omm tiddaħħal l-isptar b’kanċer. 
Storja oħra hija ta’ tifel ta’ tliet snin li diġà sarulu 34 operazzjoni. Pazjent ieħor mar għall-kura fl-Ingilterra mad-99 darba.
Peppi rrefera għal kanzunetta li kiteb snin ilu, Milied ta’ Tama, li toħroġ is-sentimenti tiegħu dwar il-kuntrasti fid-dinja: ferħ u solitudni; min jagħmel id-dieta u min m’għandux x’jiekol. 
Saħaq li wieħed jgħin lil min hu batut, ma jarahiex bħala karità, imma dritt ta’ dawk li qed ibatu. 
Dwar il-Milied, Peppi Azzopardi qal li għalkemm ħafna jgħidu li ġie kkumerċjalizzat, il-punt tat-tluq jibqa’ li twieldet tarbija li biddlet id-dinja, li għamlet revoluzzjoni kbira, meta qaltilna biex inħobbu lil min jobogħdna. 
Stqarr li din il-ħaġa lilu bidlitu, b’mod partikolari meta jħoss li rnexxielu jagħmilha. 
Fisser kif meta xi ħadd jagħmillek il-ħsara, trid tibqa’ tgħinu u tħobbu, anke jekk ma jkunx jaf. Żied jgħid li probabbli jekk ikun jaf, iħossu umiljat. 
L-Istrina, l-għada tal-Milied.
Ritratt: Ian Noel Pace