Filmat: “Ħassejtni li se mmut” – Janvil

Il-virus tal-Covid ma jħarisx lejn uċuh u proprju fost dawk li qed jitkellem fil-pubbliku dwar l-esperjenza tiegħu hemm il-kantant u preżentatur Ian J Vella, magħruf l-aktar bħala Janvil.

Bħal ħafna nies, Ian kien wieħed minn dawk li ma kienx jemmen li dan il-virus seta’ jaqbad lilu. Madanakollu kien attent ħafna iżda xorta spiċċat infettat.

“Kont attent bl-affarijiet li kont naf. Illum ninsab attent aktar,” ikkummenta Ian ma’ newsbook.com.mt f’din l-intervista. 

“Qomt filgħodu kmieni u bdejt inħossni li ma stajtx inqum mis-sodda. Ħassejtni li ma kontx f’sikkti. Mort bil-qadjiet tiegħi u wara nofsinhar bdejt inħossni niggrava, għadmi juġgħani u nħoss il-bard. Meta wasalt id-dar ma tantx kilt u mort nistrieħ u wara xi siegħa bdejt inħoss uġigħ f’sidri,” jispjega hu waqt li jkompli jirrakonta kif ċempel l-isptar u niżel waħdu għat-testijiet. L-għada wara nofsinhar irriżulta pożittiv.

“Il-vjaġġ lejn l-isptar kien qasir iżda ħassejtu twil. Kelli ġenn sakemm nasal l-isptar. Ħassejti li kont se nmut,” ikompli jirrakonta hu waqt li jaqsam l-esperjenza ta’ kif spiċċa l-isptar minħabba uġigħ f’qalbu u anke kien hemm mumenti fejn il-qalb bdiet tħabbat bil-mod.

U llum kif qed iħossu? X’għajnuna sab kemm hu u anke l-familja tiegħu fil-perjodu tal-kwarantina? X’għallmitu l-ħajja minn din l-esperjenza?

Janvil jikkummenta wkoll li jdejquh ħafna il-kummenti li qed jiġu neqsin nies maturi.

Segwi l-intervista sħiħa f’din il-paġna.