Ħassejt li bħala Malti kelli dmir nuri solidarjetà ma’ Daphne – l-Isqof Costa

“Ħassejt li bħala Malti kelli d-dmir li nuri solidarjetà mal-ġurnalista għax-xogħol li kienet tagħmel, bħala ġurnalista, bħala omm u bħala mara, għall-kawża importanti li kienet tiddefendi.” Hekk wieġeb l-Isqof Malti Mons. Vincent Costa meta waqt il-programm Follow-up fuq l-RTK kien mistoqsi l-għala mar għall-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-Isqof Costa kien Malta flimkien ma’ grupp ta’ qassisin mid-djoċesi tiegħu li kienu qed jagħmlu pellegrinaġġ fuq il-postijiet li kien żar San Pawl. Huwa ilu l-Brażil 48 sena. Hu kien mar hemm bħala seminarista. Illum huwa isqof tad-djoċesi ta’ Jundiaí, ħdejn San Paolo.
 “Ħassejt il-bżonn li mmur għall-funeral tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia” qal l-Isqof Costa li mar għall-funeral minkejja li kien b’idu miksura. Huwa spjega li l-aħbar tal-assassinju laħqet il-Brażil ukoll.
“Fil-Brażil hemm postijiet mifnija bil-korruzzjoni u li jippersegwitaw lill-ġurnalisti. Fil-fatt, mhux l-ewwel darba li nqatel ġurnalist fil-pajjiż. Għalhekk, ħassejt li kelli nuri solidarjetà ma’ din il-familja, għalkemm ma kontx nafha. Kont naf il-ġurnalista biss minn dak li kont nisma’ fuqha fl-aħbarijiet jew minn dak li naqra fil-blogg tagħha.”
Huwa qal li meta kien Malta ma’ grupp ta’ qassisin mid-djoċesi tiegħu għamel żjara lill-Arċisqof  u staqsieh jekk kienx jista’ jikkonċelebra miegħu waqt il-funeral, talba li l-Arċisqof aċċetta mill-ewwel.
L-Isqof Costa żied jgħid li l-Brażil ukoll għaddej minn żmien ikrah bħalissa.
“Kellna mumenti sbieħ meta sar ħafna ġid, u saret ħafna ġustizzja soċjali, imma f’dawn l-aħħar snin il-pajjiż infena bil-korruzzjoni u l-investigazzjonijiet tal-każijiet għadhom għaddejjin. “
Barra Mons Arċisqof Scicluna li mexxa l-funeral kien hemm ukoll l-Arċisqof Emeritus Mons. Pawl Cremona.