​“Ħasra li xi familji lanqas isibu ħin biex jieklu flimkien” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li hija ħasra meta l-familja tiġi ridotta għal grupp ta’ individwi li jikkoabitaw fl-istess dar.
F’omelija fl-Assemblea Djoċeżana tal-Azzjoni Kattolika fiż-Żebbuġ Għawdex, l-Isof Grech semma kif xi ġenituri jgħidulu li minkejja li l-familji tagħhom jgħixu taħt l-istess saqaf, ma jkunx faċli għalihom jiltaqgħu flimkien, lanqas għall-ħin tal-ikel.
Semma kif il-mejda tal-ikel għandha valur mhux biss għax tkun mgħammra b’ikel bnin u abbundanti, imma wkoll għax min ipoġġi madwar mejda jista’ jikkomunika, jisma’ u jwieżen.
L-Isqof Mario Grech tkellem dwar uħud mill-persuni li qal huma aktar interessati fil-proġetti personali tagħhom, milli biex ikunu “flimkien” mal-oħrajn. Sostna li dan l-atteġġjament egositiku llum huwa komuni, għax l-individwaliżmu sar il-fus tal-kultura ta’ żmienna.
Saħaq li n-Nisrani ma għandux ikun bniedem b’geddumu mdendel tant kemm ikun jarmi dwejjaq.
Tkellem dwar il-kultura suġġettivista li qal qed therri wkoll il-komunità djoċesana. Qal li din taf tmermer ukoll lill-Azzjoni Kattolika, u stqarr li dan jista’ jiġri meta l-membri individwali jew iċ-ċirkoli, ma japprezzawx id-direzzjoni proposta mid-Direttorju.
Ħeġġiġhom biex ma jeskludu lil ħadd minħabba nuqqas ta’ merti, motiv ta’ razza, u anqas minħabba raġuni ta’ morali.
L-Isqof t’Għawdex temm jgħid li l-mejda mhijiex għal dawk li waslu għax ikunu mxew il-mixja spiritwali kollha, iżda għall-kuntrarju huma mistiedna dawk kollha li għadhom “iterrqu”.