Il-Papa bi kritika qawwija għall-Kurja

F’diskors li jagħmel kull sena qabel il-Milied lil dawk li jaħdmu fil-burokrazija tal-Vatikan, il-Papa Franġisku ċanfarhom u qalilhom biex iwarrbu il-loġika degradanti tal-kumplotti u l-klikek biex ikunu jistgħu jservu aħjar lilu, lill-Knisja u lid-dinja b’mod ġenerali.
Il-Papa qal lill-Kardinali u l-Isqfijiet li jmexxu l-burokrazija biex “ma jħallux lilhom infushom jinxtraw mill-ambizzjonijiet tagħhom” biex ifittxu pożizzjonijiet aħjar imma biex ikunu sempliċement antenni li jisimgħu il-krib, il-ferħ u l-biki tal-knejjes madwar id-dinja u jgħaddulu dak li jisimgħu u jaraw.
Fuq kollox, qal il-Papa, il-Vatikan mhux qiegħed biex jingħalaq fih innifsu imma biex ikun ta’ servizz lid-dinja, partikolarment lill-Isqfijiet tal-pajjiżi u għandu jkun għas-servizz u jaħdem għal dawn l-Isqfijiet imxerrda mad-dinja. “Kurja li tingħalaq fiha nfisha tkun qed titradixxi ir-raġuni għalxiex teżisti u ssir iffissata fiha nfisha u tkun qed tikkundanna lilha nfisha biex titkisser”.
Fl-imgħoddi din l-okkażjoni kienet isservi biex il-Papa jagħti l-awguri tal-Milied u s-sena l-ġdida.  Imma fl-2014 Papa Franġisku ħasad lil kulħadd meta f’dan id-diskors kien elenka 15-il “marda spiritwali” li ra fost il-membri tal-Kurja Rumana filwaqt li fl-2016 kkritika lil dawk li kien qed jopponu l-isforzi tiegħu biex jirriforma l-Vatikan.
Din is-sena l-Papa ffoka d-diskors tiegħu fuq ir-relazzjonijiet tal-Kurja ma’ pajjiżi oħra, mal-Insara u ma’ reliġjonijiet oħra.  Hu qal li l-Kurja għandha taħdem bi tliet modi:  bħala Djaknu li dejjem hu lest jaqdi lill-oħrajn; bħala antenna, tgħaddilu s-sinjali li tirċievi; u bħala partijiet minn ġisem, li jħossu u jittrażmettu s-sensazzjonijiet.
Il-Papa qal li “dan hu importanti biex negħlbu il-loġika tat-tnassis u tal-klikek – li minkejja l-ġustifikazzjonijiet u l-intenzjonijiet tajba – hi kankru li jinfiltra l-organi minn ekkleżjastiċi u n-nies li jaħdmu fihom “.
Hawnhekk il-Papa attakka lil “dawk li jittradixxu l-fiduċja jew lil dawk li jipprofittaw ruħhom mill-ispirtu matern tal-Knisja; nies magħżula biex jgħinu fir-riforma –iżda għax ma jagħrfux l-importanza tas-sejħa tagħhom – iħallu lilhom infushom jinxtraw mill-vanaglorja u meta jitneħħew bil-kwiet, jiddikjaraw lilhom infushom martri tas-sistema jew ta’ Papa li ma jifhimx flok ma jgħidu ‘mea culpa’”.
Biex jorbot ir-rwol tal-membri tal-Kurja ma’ dak tad-Djaknu, l-Papa Franġisku irrifera għad-‘Didascalia Apostolorum’ li tiddeskrivi d-Djaknu bħala “il-widna u l-ħalq tal-Isqof, qalbu u ruħu”. “Ma naħsibx li hu b’aċċident li l-widna hi l-organu kemm li jisma’ kif ukoll li jżomm il-bilanċ u l-ħalq u l-organu li minnu wieħed jieħu n-nifs u jitkellem. Il-konklużjoni minn dan hi li flimkien għandna nkunu ubbidjenti għas-servizz tal-poplu mqaddes t’Alla”, qal il-Papa.
“Biex wieħed jilħaq l-ispazju fejn l-Ispirtu jkellem il-knejjes.. hemm bżonn, anzi hu indispensabbli, li nipprattikaw id-dixxerniment tas-sinjali taż-żminijiet, inkunu flimkien fis-servizz, karita’ fil-verita’ doċli fl-Ispirtu u nobdu lis-superjuri”, sostna l-Papa Franġisku.
Il-Papa temm b’riflessjoni dwar it-tifsira tal-istorja tal-Milied. “Il-Milied ifakkarna li fidi li ma tpoġġix lilha nfisha fi kriżi, hi fil-fatt fi kriżi.  Li fidi li ma tikbirx hi fidi li għandha bżonn tikber, li fidi li ma tistaqsix hi fidi li rridu nsaqsuha aħna, fidi li ma tanimaniex hi fidi li għandha bżonn tkun animata, fidi li ma tħawwadniex hi fidi mħawda”