“Ħasil ta’ flus jew spjunaġġ?” – Rapporti dwar ‘ċittadin’ Malti

“Ċittadin” Malti, Melnikov Pavel  Eduardo, li kien xtara l-passaport fl-2016, kien suġġett ta’ rejd tal-Pulizija fuq il-kumpanija tiegħu, aġenzija tal-propjetà f’Settembru li għadda. Ir-raġuni uffiċjali li taw il-Pulizija Finlandiża dwar ir-rejd kien li din tagħmel parti minn operazzjoni kontra l-ħasil ta’ flus.

Iżda rapporti qed jgħidu li aktarx il-kumpanija kienet qed tixtri l-art li aktarx ġiet użata għal spjunaġġ waqt żmien ta’ paċi u ħidma mill-forzi speċjali waqt kriżi.

Fl-2016 ix-xandir nazzjonali Finlandiż Yle kien irrapporta li r-Russi kienu qed jixtru meded ta’ art fil-Finlandja li kien qajjem suspett.

Melnikov għandu ċ-ċittadinanza Russa, mil-Latvija u minn Malta, bil-gazzetta The New York Times taċċenna għall-bejgħ taċ-ċittadinanza minn Malta.

Yle, illum irrapporta kif l-avukat il-ġdid tal-kumpanija Airiston Helmi, qal li l-klijent tiegħu ċaħad l-akkużi kontrih kif ukoll l-akkużi kontra l-kumpanija tiegħu. Bl-avukat jgħid li l-klijent tiegħu xtara l-propjetà b’mod legalli.

Il-gazzetta rappurtat kif il-Pulizija Finlandiża mexxiet rejd fuq waħda mill-gżejjer privati tal-Finlandija, Sakkiluoto, li kienet inxtrat minn Melnikov permezz tal-kumpanija tiegħu Airiston Helmi. L-awtoritajiet Finlandiżi marru fuq 16-il sit marbuta ma’ Melnikov u oħrajn li jaħdmu miegħu.

Melnikov jidher li ma għadux il-Kap tal-kumpanija iżda issa din tinsab f’idejn Taljan. Il-kumpanija nnifisha hi mmexxija minn diversi kumpaniji bbażati f’tax havens popolari bħal British Virgin Islands.

X’sabu waqt ir-rejd fuq Sakkiluoto?

The New York Times tispjega kif il-Pulizija waslu fuq dgħajjes żgħar. Fiż-żmien li l-gżira ilha f’idejn Melnikov huwa bena disa’ baċiri, helipad, residenzi li qishom iktar kwartieri militari, kameras tas-sigurtà u motion detectors.

400 persuna parti mill-operazzjoni

100 persuna mid-Dipartiment Nazzjonali tal-Investigazzjoni fil-Finlandja (KRP) ħadu sehem fir-rejd. Dan minbarra 300 persuna oħra.

Żewġ persuni kienu arrestati b’rabta mal-każ iżda isimhom ma ssemmiex u Melnikov mhux wieħed minnhom.

Il-KRP qalu wkoll li ssekwestraw ammont ta’ flus kontanti f’diversi muniti, fosthom €3.5 miljun. Bl-avukat ta’ Melnikov jgħid lil Yle li l-flus kienu l-flus personali tal-klijent tiegħu u li Melnikov kien bniedem ta’ suċċess fin-negozju fir-Russja.