Ħasil ta’ flus: 6 pajjiżi tal-UE jitolbu awtorità superviżorja ċentrali

Read in English.

Il-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja, in-Netherlands u l-Latvija qed jitolbu lill-Unjoni Ewropea biex twaqqaf awtorità superviżorja ġdida li tieħu r-riedni minn idejn il-pajjiżi membri, dwar dak li hu relatat ma’ ħasil ta’ flus minn aġenziji finanzjarji.

Fi stqarrija konġunta, is-sitt stati membri qalu li l-UE għandha bżonn “superviżjoni ċentrali” biex titratta l-mewġa ta’ ħasil ta’ flus fis-sistema finanzjarja Ewropea.

Il-Bank Ċentrali Ewropew jirtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus

It-talba tas-sitt pajjiżi saret wara li minħabba każi ta’ ħasil ta’ flus ingħalqu banek f’Malta, fil-Latvija u f’Ċipru. Barra minn hekk, banek fil-Baltiku u fl-Ewropa ta’ Fuq kienu involuti f’ħasil ta’ flus permezz ta’ fergħa ta’ Danske Bank fl-Estonja. Din il-proposta qed issir fil-kuntest, li l-aġenziji nazzjonali li suppost ixommu dawn il-każi, fallew milli jidentifikawhom.

Is-sitt stati membri spjegaw li l-awtorità superviżorja tista’ tkun ġdida jew eżistenti. Talbu wkoll għal regoli ġodda kontra l-ħasil tal-flus.