Harvey: Biża’ ta’ iżjed għargħar hekk kif diga ewlenija mhux tlaħħaq mal-ilma

Diga kbira li tinsab ‘il barra minn Houston f’Texas mhux qed jirnexxielha żżomm l-ilma hekk kif l-Uragan Harvey qed ikompli jagħmel ħerba minn dan l-istat fl-Istati Uniti.
Uffiċjali f’Texas qalu li l-livell tal-ilma qed jogħla b’ritmu mgħaġġel tant li l-ilma beda jaqbeż ix-xifer tad-diga Addicks.
Enġiniera ppruvaw jevitaw l-għargħar imma l-Uragan wasal b’saħħtu aktar milli stennew.
Jekk id-diga se tibqa’ ma tlaħħaqx mal-ilma, il-livell tax-Xmara Buffalo Bayou se jibqa’ jiżdied u jikkawża aktar għargħar.
Esperti qed jibżgħu li diga oħra fi Houston, dalwaqt mhux se tlaħħaq mal-livell tal-ilma.
L-Uragan ikkawża għargħar kbar f’Texas u issa beda jolqot ukoll l-istat ta’ Louisiana.
S’issa jidher li disa’ persuni tilfu ħajjithom kawża tal-maltemp. Eluf ta’ persuni kellhom iħallu djarhom.