Ħarsa lura lejn is-suċċess li kiseb it-tim nazzjonali tan-nisa fl-2019

It-tim nazzjonali tan-nisa Maltin akkwista l-ewwel punt li qatt irnexxielu jakkwista fil-logħob ta’ kwalifika għall-EURO 2021. Il-Maltin qed jikkompetu fi Grupp B flimkien mal-Italja, id-Danimarka, Bosnia u Herzegovina, Iżrael u Georgia.

It-tim immexxi mill-coach Mark Gatt kellu logħba tajba meta lagħab kontra Iżrael lura f’Novembru li għadda. Il-logħba spiċċat fi draw ta’ 1-1. Kienet Maria Farrugia li fil-preżent qed tilgħab ma’ Sunderland AFC li rnexxielha ssib il-lasta. S’issa t-tim ta’ Gatt lagħab ukoll darbtejn kontra l-Italja, darba kontra d-Danimarka u kontra Bosnia-Herzegovina fir-rawnd prliminarju.

Għalkemm ma rnexxilhomx jiksbu imqar punt ieħor f’dawn il-logħob, il-Maltin akkwistaw l-esperjenza li tista ssarraf tajjeb għas-sena li ġejja. Minn Marzu t-tim Malti mistenni jkompli bil-kompetizzjoni għall-kwalifikazzjoni bil-logħob importanti kontra l-Georgia u Bosnia f’Malta stess.