​Ħarsa lejn il-promozzjonijiet u r-relegazzjonijiet fil-futbol Malti

Wara l-logħba deċiżiva li kellna nhar il-Ġimgħa, Naxxar Lions għelbu lil Vittoriosa Stars bl-iskor ta’ 3-1.
B’hekk Naxxar Lions żammew posthom fil-kampjonat premier, filwaqt li Vittoriosa Stars ġew relegati għall-ewwel diviżjoni, flimkien ma’ Rabat Ajax.
Pietà Hotspurs ġew inkurunati bħala ċampjins tal-ewwel diviżjoni, wara li lbieraħ għelbu lil Gudja United bl-iskor qawwi ta’ 7-2.
Pietà Hotspurs bi 58 punt ġew promossi għall-kampjonat Premier flimkien ma’ Zebbug Rangers li ġabu 45 punt.
Mqabba ġew dikjarati ċampjins tat-tieni diviżjoni, wara li nhar is-Sibt għelbu lil Siggiewi bl-iskor ta’ 3-1.
Flimkien ma’ Mqabba ġew promossi wkoll Pembroke Athleta u Fgura United, li kienu ċerti mill-promozzjoni fil-ġimgħa li għaddiet.
Minkejja li Marsaskala għelbu lil Marsa bl-iskor ta’ 3-2, Dingli Swallows għelbu lil Mellieha bl-iskor ta’ 3-2 u għalhekk Marsaskala ġew relegati għat-tielet diviżjoni.
Mit-tielet diviżjoni jinħtieġ decider fir-raba’ post bejn Xgħajra Tornados u Attard li spiċċaw bi 48 punt kull wieħed.
Mit-tielet diviżjoni diġa ġew promossi Sirens, li huma ċ-ċampjins tal-kampjonat, Swieqi United li ġew fit-tieni post u Għaxaq li ġew fit-tielet post.