Ħarsa Annwali Lejn is-Swieq għall-2020 mill-BOV Asset Management

Il-BOV Asset Management reċentement ippreżentat il-Market Outlook annwali tagħha flimkien ma’ Fund Focus għall-firxa tal-fondi tagħha. Għal dan is-seminar ta’ nofstanhar, li issa jinsab fir-raba’ sena konsekuttiva tiegħu, kien hemm preżenti numru ta’ rappreżentanti tal-BOV Asset Management mill-Investment Centres u fergħat tal-BOV flimkien ma’ intermedjarji finanzjarji awtorizzati oħra.

Bank f’evoluzzjoni

“L-2020 timmarka l-25 anniversarju mit-twaqqif tad-diviżjoni tal-immaniġġjar tal-fondi tal-Bank li qabel kienet tissejjaħ il-Valletta Fund Management. Il-kumpanija evolviet minn waħda ta’ kummerċjalizzazzjoni li tippromwovi l-fondi mħaddma minn partijiet terzi, għal kumpanija kompletament iffukata fuq l-immaniġġjar tal-assi b’aktar minn biljun euro mħaddma minnha,” stqarr Joseph Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-BOV Asset Management. “Matul is-sena li għaddiet, il-kumpanija saħħet ir-riżorsi tagħha fl-immaniġġjar tal-assi u fil-Compliance Unit, b’din tal-aħħar tkun fundamentali biex iżżomm il-kumpanija konformi mar-regolamenti attwali fl-oqsma kollha tal-industrija.”

Temi ewlenin

Meta ta ħarsa ġenerali lejn it-temi ewlenin li huma mistennija li jkollhom impatt fuq is-swieq finanzjarji fl-2020, Steve Ellul, Kap tal-Immaniġġjar tal-Assi qal li l-muturi prinċipali tal-klassijiet tal-assi globali issa qed jevolvu u l-allokazzjonijiet tal-assi jeħtieġ li jirriflettu dan it-tibdil. Il-Banek Ċentrali prattikament eżawrixxew il-monetary policy toolkit tagħhom u wieħed għandu jistenna aktar pressjoni takkumula fuq il-gvernijiet biex jappoġġjaw l-ekonomiji minn perspettiva fiskali. Il-gwerer kummerċjali u t-tħassib relatat mal-Brexit jidhru li bil-mod qed jiġu fix-xejn, filwaqt li l-aspettattivi tal-inflazzjoni u l-volatilità fil-par tal-muniti EUR/USD huma ġeneralment baxxi.

Esperti oħrajn mill-BOV Asset Management taw il-ħarsa tagħhom għall-2020 u ddiskutew suġġetti oħra bħall-aspettattivi għall-bonds u l-ishma lokali, l-istrateġija li qed tiġi adottata fil-European Multi-Manager Fund u l-karatteristiċi ewlenin tal-fondi tal-bonds ta’ kwalità għolja u b’rendiment għoli mħaddma mill-BOV Asset Management. Dan is-seminar kien indirizzat ukoll minn Kenneth Farrugia, Uffiċjal Kap tal-Business Development fil-Bank of Valletta.