Harry u Meghan mhux ser jitolbu l-għajnuna tal-Gvern Amerikan

REUTERS/Toby Melville

Il-Prinċep Harry u l-mara tiegħu Meghan mhux qed jippjanaw li jitolbu l-għajnuna tal-gvern tal-Istati Uniti minħabba spejjeż għas-sigurtà tagħhom. Dan iddikjarawh il-koppja nhar il-Ħadd, b’risposta għal tweet mill-President Donald Trump li l-gvern tal-Istati Uniti mhux se jħallas għall-protezzjoni tagħhom.

F’Jannar, il-koppja kienu ddikkjaraw li se jħallu d-doveri rjali tagħhom, u skont rapporti riċenti fil-midja, huma marru jgħixu f’Los Angeles. Il-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni daħlu fis-seħħ illum.

Aktar kmieni nhar il-Ħadd, Trump kiteb fuq Twitter: “Issa li telqu mill-Kanada u ġew jgħixu fl-Istati Uniti, aħna mhux se nħallsu għall-protezzjoni tagħhom. Se jkollhom iħallsu huma!”

Aktar tard, kelliem għall-koppja qal f’dikjarazzjoni: “Id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex m’għandhom l-ebda pjan li jitolbu riżorsi ta’ sigurtà mill-gvern tal-Istati Uniti. Diġà saru arranġamenti għas-sigurtà, li se jkunu ffinanzjati b’mod privat.”

Id-Dukessa, Meghan Markle, li fis-sena 2018 iżżewġet lill-Prinċep Harry, in-neputi tar-Reġina Eliżabetta, ir-Reġina tar-Renju Unit, ikkritikat lil Trump matul il-kampanja elettorali tiegħu fl-2016, meta qalet li huwa persuna misoġena u li toħloq il-firda.

Is-sena l-oħra, meta sema’ dwar il-kritika ta’ Markle, Trump qal: “Ma kontx naf dwar dan. X’nista’ ngħid? Ma kontx naf li tista’ tkun daqshekk diżgustanti.” Iżda hu xtaqilha wkoll l-isbaħ xewqat fl-okkażjoni tal-ħajja ġdida tagħha bħala parti mill-familja rjali tar-Renju Unit.

Il-koppja xxukkjaw il-familja tar-Reġina fil-bidu ta’ din is-sena, meta ħabbru li se jirriżenjaw mill-irwoli tagħhom bħala membri importanti fl-attivitajiet irjali, sabiex jeħilsu mill-iskrutinju intens tal-midja li ilha ssegwihom għal dawn l-aħħar snin.

Għal dawn l-aħħar ftit xhur huma kienu qed jgħixu flimkien ma’ binhom Archie fil-gżira ta’ Vancouver fil-Kanada.

Il-gazzetta Brittannika The Sun irrappurtat il-ġimgħa l-oħra li l-koppja kienu vvjaġġaw lejn Los Angeles permezz ta’ titjira privata, imma ma qalux meta. Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Istati Uniti u l-Kanada ftehmu li jagħlqu l-fruntieri tagħhom għal vjaġġi li mhumiex essenzjali fuq l-art, sabiex iħaffu l-piż fuq is-sistemi tas-saħħa kkawżati mill-coronavirus.

Meghan Markle kibret fiż-żona ta’ Los Angeles u ommha Doria għadha tgħix hemm. Il-kumpanija Walt Disney Co. ħarġet dikjarazzjoni l-ġimgħa l-oħra li Meghan kienet qrat l-iscript ta’ dokumentarju dwar in-natura, li se jiġi rilaxxat fuq il-pjataforma ta’ streaming Disney+ nhar il-Ġimgħa.

Ix-xahar li għadda, il-gvern tal-Kanada ddikkjara li mhux se jibqa’ jipprovdi s-sigurtà ladarba l-koppja ma jibqgħux membri li jaħdmu fi ħdan il-familja rjali tar-Renju Unit.

Is-sezzjoni tal-kavallerija Kanadiża, the Royal Canadian Mounted Police kienu qed jassistu lill-pulizija ta’ Londra biex jipprovdu sigurtà lid-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex b’mod intermittenti sa minn Novembru, meta l-koppja marru għal vaganza ta’ sitt ġimgħat fil-Kanada, skont rapport ta’ Reuters fi Frar li għadda.