“Harry u Meghan? Ma jinteressawniex!”

Stħarriġ li sar fost il-poplu Ingliż wera biċ-ċar kif jaħsbuha dwar il-Prinċep Harry u martu Meghan: “Ma jinteressawniex! Jistgħu ma jersqux lil hawn!”

L-istħarriġ sar biex jaraw kif il-poplu qed iħares lejn il-membri tal-Familja Rjali f’dawn il-jiem tal-coronavirus. B’kollox staqsew lill-1,500 ruħ. Waqt li 20% qalu li f’għajnejhom Meghan tjiebet, madankollu 36% wrew reazzjoni kontriha.  Dwar il-Prinċep Harry, 33% qalu li dan niżel fl-aspettattivi tagħhom u ma tantx jarawh sabiħ. Kien hemm biss 19% li approvawh.

Kumplessivament 54% ma jriduhomx jersqu lura biex jaqdu d-doveri rjali tagħhom bħalma kienu jagħmlu qabel. 28% riduhom lura.

Il-koppja kienu rrinunzjaw il-ħajja rjali biex jgħixu bħala ċittadini komuni. L-ewwel marru joqogħdu l-Kanada iżda xi ġimagħtejn ilu niżlu l-Istati Uniti. Skond ftehim milħuq imfassal mir-Reġina Eliżabetta, dawn għandhom ċans sas-sena d-dieħla jekk iridux jerġgħu jingħaqdu mal-Familja Rjali bħalma kienu qabel.

Nhar it-Tnejn sar magħruf li l-koppja ma jridux li jkollhom aktar x’jaqsmu ma’ erba’ gazzetti nazzjonali Inglizi: Daily Mirror, Sun, Mail u Express. Skont huma dawn il-gazzetti qed iġibu stejjer foloz u invażivi.