Harry u Meghan ifittxu lill-paparazzi biex jipproteġu d-dritt ta’ privatezza binhom

Reuters

Il-Prinċep Harry tal-Gran Brittanja u martu Meghan, nhar il-Ħamis fetħu kawża f’California kontra fotografi paparazzi mhux identifikati li allegatament ħadu ritratti ‘illegali’ ta’ binhom Archie.

Il-kawża, li nfetħet quddiem il-Qorti Għolja tal-Istat ta’ California, fil-Kontea ta’ Los Angeles, semmiet “diversi okkażjonijiet ta’ ksur” ta’ privatezza ta’ binhom li għandu 14-il xahar, u tressqet bħala miżura biex jipproteġuh mill-“ferneżija biex tinqata’ l-kurżità”.

“Id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex qed jiftħu din il-kawża biex jipproteġu d-dritt ta’ binhom għall-privatezza f’darhom mingħajr l-indħil ta’ fotografi, u biex jinqabdu u jitwaqqfu dawk li jridu japprofittaw minn dawn l-azzjonijiet illegali,” qal f’dikjarazzjoni l-avukat li jirrappreżenta lid-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex.

Fil-kawża ġie allegat ukoll li drones u ħelikopters invadew il-privatezza tal-ispazju tal-ajru fuq ir-residenza tal-koppja.

Il-koppja ma trid “l-ebda trattament speċjali” u qed tfittex biss id-dritt li tkun tista’ tgawdi l-privatezza ta’ darha skont il-liġijiet tal-istat ta’ California, skont il-kawża.

F’Ġunju li għadda, Meghan talbet ordni mill-qorti biex twaqqaf lill-pubblikatur ta’ gazzetta Ingliża milli jikxef l-ismijiet ta’ ħbieb li setgħu jkunu xhieda f’battalja legali għaddejja bħalissa, fejn iċċitat id-dritt tagħhom għall-privatezza.

Il-familja issa qed tgħix f’Los Angeles wara d-deċiżjoni tal-koppja li jħallu r-rwoli rjali tagħhom fi tmiem Marzu li għadda biex ifittxu karrieri ġodda. Huma ħallew ir-Renju Unit wara li ħassewhom urtati minħabba l-iskrutinju intens tal-midja fuq il-ħajja privata tagħhom.

F’April, id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex qalu lill-akbar gazzetti tar-Renju Unit, inkluż The Sun u Daily Mail, li ma kien se jkun hemm “l-ebda interazzjoni” magħhom fil-futur minħabba l-istejjer foloz u l-ġurnaliżmu invażiv.