Harry semma sptar f’isem ommu

Ritratt antik ta' Harry meta kien żgħir flimkien ma' ħuħ William u ommhom Diana

Il-Prinċep Harry jingħad li huwa determinat li jżomm ħajja l-memorja ta’ ommu Diana billi fiż-żmien li ġej ikompli l-ħidma tagħha fost dawk li għandhom bżonn.

L-intenzjonijiet ta’ Harry ħarġu fil-pubbliku ftit tax-xhur ilu meta hu flimkien ma’ martu Meghan u binhom Archie kienu fuq tour ta’ 10 ijiem fl-Afrika t’isfel. Kien proprju f’dan il-perjodu li Harry u Meghan żaru il-Huambo Orthopedic Centre f’Angola, li Diana kienet żaret ftit xhur qabel tilfet ħajjitha.

Dan l-isptar ġie rinovat u msemmi The Princess Diana Orthopaedic Centre biex b’hekk mhux biss ikompli joffri kura lil bosta pazjenti li jkollhom bżonn, iżda wkoll tinżamm ħajja l-memorja tal-Prinċipessa li tant kienet taħdem biex tgħin lil min kellu bżonn.

Lura fl-1997 meta Diana kienet żaret il-pazjenti fl-isptar li llum issemma għaliha

Diana kienet żaret dan l-isptar f’Jannar tal-1997 u mietet fil-31 ta’ Awwissu tal-istess sena f’inċident bil-karozza f’Pariġi. Hija kellha 36 sena.