Harry Potter għadu jagħmel il-flus

Id-dinja maġika ta’ Harry Potter baqgħet tissarraf fi dħul importanti għal Universal tant li f’dawn il-ġranet fetħet ġewwa Orlando fi Florida fl-Istati uniti, roller coaster li ġiet tiswa mat-$300 miljun maħduma fuq il-fantażija ta’ Harry Potter. Mezzi tal-aħbarijiet irrapurtaw li fl-ewwel sigħat tal-ftuħ kien hemm diġà madwar 10 sigħat ta’ stenniha fil-kju għal dawk li jixtiqu jirkbuha.

It-tema ta’ din ir-rikba ingħatat l-isem ta’ Hagrid’s Magical Creatures Motorbike u tieħu lil dawk li jirkbuha f’dawra madwar il-foresta projbita, hekk kif deskritta fil-kotba ta’ Harry Potter, fuq il-mutur ta’ Hagrid. F’dan il-park tad-divertiment tpoġġew madwar 1,200 siġra biex jagħtu dehra iktar realistika ta’ din l-attrazzjoni sabiex tiġi tixbaħ foresta reali.

Universal fetħet l-ewwel darba l-attrazzjoni għat-theme-park ta’ Harry Potter lura fl-2010 u baqgħet iżżid diversi attrazzjonijiet ġodda matul dawn is-snin. Skont ċifri maħruġa mill-industrija tad-divertiment, huwa stmat li din l-attrazzjoni ġibdet mat-12-il miljun persuna fl-2010 u issa laħqet l-20 miljun viżitatur.

Taxis isuquk fl-ajru fis-snin li ġejjin

Il-kumpanija Lilium qed taħdem fuq servizz ġdid ta’ taxis li jsuqu lill-passiġġiera fl-ajru. Dan is-servizz huwa mistenni li jibda jopera fis-6 snin li ġejjin f’diversi bliet kbar madwar id-dinja. Il-kumpanija Lilium li hija bbażata f’Munich fil-Ġermanja ħabbret l-ambizzjonijiet tagħha li sal-2025 toħloq mezz tat-trasport għal ħames persuni li jaħdem bl-elettriku u li jsuq fl-ajru.

Skont il-Kap Uffiċċjal tal-Kummerċ ta’ Lilium, Remo Gerber, l-interess tagħhom huwa li jagħmlu dan is-servizz wieħed affordabbli tant li qed jaħdmu fuq sistema li tista’ tintuża bl-istess mod li jintużaw is-servizzi tat-trasport fuq l-art ta’ Uber.

Lilium sostniet li l-ajruplani li qed taħdem fuqhom għal dan l-iskop, se jkunu qed jitilgħu u jinżlu fuq l- art b’mod vertikali u jistgħu isuqu għal madwar 300 km fuq charge elettrika waħda. Dan ifisser l pereżempju fir-Renju Unit, passiġġiera jistgħu jitwasslu minn tarf sa tarf tal-pajjiż fi vjaġġ wieħed. Lilum bdiet tagħmel it-testijiet bl-ajruplani tagħha għal dan l-iskop fl-aħħar ġimgħat.

Il-kumpanija Lilium twaqqfet fl-2015 minn tlett iħbieb fl-Università ta’ Munich. S’issa din il-kumpanija irnexxilha tiġġenera mal-$100 miljun minn investituri privati fosthom mill-kumpanija Ċiniża Tencent u dik Ingliża Atomico.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.