Harry Potter: 4 stejjer ġodda fuq forma diġitali… u film!

J.K. Rowling u Daniel Radcliffe li kien jinterpreta lil Harry Potter fil-films

Harry Potter għadu magħna u l-franchise tas-sensiela ta’ dan il-karattru li kiseb suċċess fil-films b’Daniel Radcliffe fil-parti ewlenija se tkompli. J.K Rowling fil-fatt issa waslet biex tniedi erba’ stejjer ġodda.

L-istejjer li minnhom ħarġu l-films kollha ġew ippublikati f’kotba u issa l-erba’ stejjer ġodda se jitwasslu fuq forma diġitali, jiġifieri bħala e-books.

Dawn se jkun jisimhom “Harry Potter: A Journey Through Charms and Defense Against the Dark Arts,” “Harry Potter: A Journey Through Potions and Herbology”, “Harry Potter: A Journey Through Divination and Astronomy” u “Harry Potter: A Journey Through Care of Magical Creatures”.

L-erba’ kotba ġodda ta’ Harry Potter

L-ewwel żewġ kotba huma mistennija joħorġu l-Ħamis 27 ta’ Ġunju filwaqt li t-tnejn l-oħra għandhom jinħarġu ftit taż-żmien wara, f’data li għad trid titħabbar iżda li mhux suppost tkun wisq il-bogħod minn dik tat-tnedija tal-ewwel żewġ kotba.

Dawn il-kotba mistennija jinħarġu għalissa b’erba lingwi: bl-Ingliż, bil-Franċiż, bit-Taljan u bil-Ġermaniż./

U dan mhux kollox tafux! Hemm il-ħsieb li jinħadem id-disa’ film, Harry Potter & The Cursed Child, li diġa’ kiseb suċċess bħala produzzjoni teatrali f’Londra u issa l-Warner Bros jinsabu nteressati li jiksbu d-drittijiet għalih.

Jingħad li kien hemm xi diskussjonijiet bejn Warner Bros u Rowling, u huwa mifhum li jridu lil Daniel Radcliffe biex jidħol mill-ġdid f’dan il-karattru.

Iżda tgħid se jaċċetta li mill-ġdid jagħmilha ta’ Harry Potter?