Ħarisna 250 negozju u 15,000 impjegat – Bank Malti ta’ Żvilupp

Read in English.

Il-Bank Malti ta’ Żvilupp (MDB) qal li aktar minn 250 negozju u l-għajxien ta’ aktar minn 15,000 impjegat kienu mħarsa grazzi għall-Iskema ta’ Garanziji tal-COVID-19 li ħaddem l-istess bank.

Fi stqarrija l-MDB qal li l-iskema ppermettiet li aktar minn €200 miljun f’likwidità jgħaddu għand dawn in-negozji Maltin u Għawdxin.

L-MDB, spjega li qed jippermetti li dawn in-negozji, irrispettivament mid-daqs tagħhom u s-settur ekonomiku li joperaw fih, ikollhom aċċess għal-likwidità neċessarja biex iħallsu s-salarji, kirjiet, kontijiet tad-dawl u pagamenti oħra ta’ natura immedjata.

“Fl-eqqel tal-pandemija tal-coronavirus, il-Gvern alloka fond ta’ garanzija ta’ €350 miljun lill-MDB biex dan jiżviluppa, jamministra u jimplimenta l-iskema permezz tal-intermedjazzjoni tal-banek kummerċjali lokali. Disa’ banek liċenzjati lokalment qed jipparteċipaw bħala intermedjarji f’din l-iskema,” qal il-MDB.

Iċ-Chairperson tal-Bord tad-Diretturi tal-MDB, il-Professur Josef qal li minkejja s-suċċess ta’ Malta fil-mod ta’ kif ikkontrollat il-coronavirus, l-impatt fuq in-negozji tagħna kien inevitabbli.