“Ħarġu l-Panama Papers; l-eks Kummissarju siefer u rreżenja” – iben Daphne

Matthew Caruana Galizia qal li fil-qorti llum instema’ li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar siefer, daħal lura x-xogħol bi wġigħ f’sidru u ftit wara rreżenja, wara li ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers.

Illum kompliet l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u xehdu żewġ eks Kummissarji tal-Pulizija: Peter Paul Zammit, li serva bħala Kummissarju fil-perjodu bejn April tal-2013 u l-2014, u Michael Cassar, li għamel bejn l-2014 u l-2016.

Meta Cassar beda jitkellem dwar ir-raġuni għaliex irreżenja, l-Imħallef Abigail Lofaro staqsietu jixtieqx jixhed mingħajr il-pubbliku u l-midja preżenti, u hu wieġeb iva. Imbagħad xehed għal madwar 45 minuta, bil-familja tal-ġurnalista preżenti, u wara s-seduta ġiet aġġornata.

Meta rreżenja fl-2016, ir-raġuni li kien ta Cassar kienet minħabba saħħtu.

Iben il-ġurnalista assassinata kiteb fuq Facebook li fil-qorti saru jafu li meta ġew ippubblikati l-Panama Papers fl-2016, il-Kummissarju mar vaganza, ġie lura bi wġigħ f’sidru, irreżenja għax ma setax joqgħod taħt il-pressjoni u ffirma kuntratt ta’ konsulenza offrut lilu mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

The European Public Prosecutor Laura Kovesi has a conviction rate of 90%, including judges, sitting ministers and a…

Posted by Matthew Caruana Galizia on Thursday, January 9, 2020

Fil-qorti quddiem il-midja, Cassar xehed illi fit-8 t’April tal-2016, fetaħ każ fuq jismu Operation Green, fuq ir-rapport tal-FIAU fuq Keith Schembri u Brian Tonna. L-Imħallef Lofaro staqsietu jekk ġiex avviċinat minn xi ħadd mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew mill-Ministeri wara li għamel dan, iżda qal li l-għada siefer. Dwar ir-riżenja tiegħu, li daħħalha fis-27 t’April tal-2016, qal li ma kellhiex x’taqsam ma’ investigazzjonijiet tal-Pulizija, imma “amministrattivament kienet storja oħra.” Kien hawn li l-Imħallef staqsietu jridx jixhed fil-privat.