Ħarġa ta’ Il-Furjana b’rabta mal-festa ta’ San Publju

Il-ħarġa ta’ Awwissu tal-gazzetta Il-Furjana hija marbuta mal-festa tal-qaddis patrun tal-Furjana San Publju. Din hi festa din is-sena se tkun ċelebrata b’mod limitat, b’quddiesa u wara inawgurazzjoni ta’ pittura fil-Kappellun tar-Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna  nhar il-Ħadd 23 ta’ Awwissu.

Id-Direzzjoni tal-gazzetta ddeċidiet li minkejja li l-festa ta’ San Publju – li hu wkoll wieħed mill-ko-patruni ta’ Malta – din is-sena se ssir b’mod limitat minħabba l-prekawzjonijiet meħuda minħabba l-imxija tal-Coronavirus (COVID-19), xorta waħda żżomm it-tradizzjoni li tinħareġ ħarġa b’rabta mal-festa għalkemm mhux se ssir fi żmienha.

Il-gazzetta proprju f’din il-ħarġa tinkludi tagħrif estensiv dwar ċaqliq li kien hemm matul iż-żmien fid-data tal-festa ta’ San Publju, li minkejja li normalment issir żewġt iħdud fuq l-Għid il-Kbir minn dejjem kienet kunsidrata bħala l-festa li tagħti bidu għall-Istaġun tal-Festi li jibqa’ sejjer tul is-sajf kollu fil-Gżejjer Maltin.

Din il-ħarġa tinkludi wkoll artiklu minn Stephen Tonna dwar il-ħidma li saret fis-sitt snin li għaddew u li wasslet biex nhar il-festa se tkun inawgurata pittura ġdida li tinsab f’wieħed mill-kappelluni tal-Knisja Arċipretali Furjaniża. Il-pittura l-ġdida hi tal-artist Għawdxi John Grima.

Minbarra tagħrif konness mal-festa, fil-paġni sportivi mtella’ mill-ġurnalista sportiv Furjaniż Jesmond Moore, tingħata ħarsa dettaljata lejn ir-ritorn ta’ Floriana FC fil-kompetizzjoni UEFA Champions League 2020-2021 kontra CFR Cluj tar-Rumanija, kif ukoll tislima xierqa lill-ex plejer tal-Greens, Billy Dalli li miet xi ġimgħat ilu fl-Awstralja.

Din il-ħarġa tinkludi wkoll il-Paġna tal-Kunsill Lokali – b’informazzjoni u ritratti dwar ħidmiet li saru jew li qed isiru fil-lokalita’ – kif ukoll feature informattiv dwar ż-żjara mill-ġdid tal-Madonna ta’ Fatima fil-Furjana.