Ħarġa ġdida ta’ Il-Malti

L-Akkademja tal-Malti flimkien mal-Klabb Kotba Maltin ħarġet l-edizzjoni numru 91 tar-rivista Il-Malti, il-ħarġa letterarja għas-sena 2018. Din l-edizzjoni hija editjata minn Dr Josette Attard. Flimkien ma’ Dr Attard, kien hemm ukoll bord magħmul minn Phyllis Debono, Patri Norbert Ellul Vincenti u Marlene Saliba li ħadu ħsieb l-għażla finali tax-xogħlijiet li ġew ippubblikati. Fl-editorjal, l-editriċi kkummentat fuq il-varjetà tax-xogħlijiet li qed ikunu ppubblikati fil-ġabra msemmija kif ukoll il-varjetà ta’ stili letterarji. Dr Attard appellat biex iktar nisa jersqu ’l quddiem u jippreżentaw il-letteratura tagħhom.

Ix-xogħlijiet f’din il-ġabra jinqasmu fi tlieta – poeżija, proża u traduzzjonijiet. Il-poeti inklużi f’din il-ġabra huma Geoffrey G. Attard, Charles Bezzina, Ġorġ Borg, Charles Casha, Louis Briffa, John  Caruana, Manwel Cassar, Carmel G. Cauchi, Claudia Gauci, Jane Micallef, Manwel Schembri, Immanuel Mifsud u Therese Pace.

L-awturi li ppreżentaw il-proża f’din il-ħarġa ta’ Il-Malti huma Charles Casha, Victor Fenech, Alex Mizzi, Jane Micallef, Therese Pace, Rita Saliba, Joseph Vella u Trevor Zahra filwaqt li xogħlijiet tat-traduzzjoni saru minn Toni Aquilina, Manwel Cutajar, Sergio Grech, Therese Pace, Yana Psaila, Kevin Saliba. Ivan Said, Salv Sammut u Paul Zahra.

Max-xogħlijiet letterarji msemmija jiżdied ukoll obitwarju dwar Pawlu Mizzi, il-fundatur tal-Klabb Kotba Maltin miktub minn Sergio Grech.

Din l-edizzjoni ta’ Il-Malti hija ddedikata lill-membri tal-Moviment Qawmien Letterarju. Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tal-Akkademja tal-Malti permezz ta’ dan il-link.