Ħareġ il-ħuta dawra fil-vaska

Ritratt: Policia Nacional

Il-Parlament Spanjol ftit tal-ġimgħat ilu ta permess liċ-ċittadini bil-lockdown f’darhom biex ikunu jistgħu joħorġu l-pet tagħhom għal mixja kuljum. Kien hemm xi wħud minn dawn in-nies li ħatfu l-okkażjoni biex isibu skuża ħa joħorġu minn djarhom. Ħwejjeġ tal-iskantament x’jaslu jagħmlu xi wħud … iżda li fl-aħħar mill-aħħar l-id tal-Ġustizzja laħqithom meta ppruvaw jidħku bil-Liġi.

Nhar il-Ġimgħa l-Pulizija Nazzjonali Spanjola uriet ritratt ta’ raġel fil-belt ta’ Logrono li kien qed jiġi mmultat talli ħareġ barra ħuta ġo vaska għax qal li qed joħroġha dawra! Huwa ġie ppenalizzat talli kiser ordnijiet tal-Gvern biex jibqa’ ġewwa minħabba l-pandemija tal-koronavirus. Madankollu ma kienx waħdu li għamel bużullotta bħal din.

Fil-25 ta’ Marzu nstab raġel f’Lanzarote miexi b’tiġieġa għax skont hu, “din hija l-pet tiegħi u ħriġtha tieħu fit arja.” Aktar qabel, fis-16 ta’ Marzu, deher filmat ta’ raġel li kien ikkonfrontat mill-Pulizija talli nqabad miexi b’kelb ġugarell iġebbdu warajh biċ-ċinga.

Fl-istess jum, id-Dipartiment tal-Pulizija fil-belt ta’ Murcia ħarġu filmat li juri ċittadin mhux identifikat qed jitwaqqaf mill-Pulizija waqt li pprova jimxi fit-toroq liebes bħala d-dinosawru Tyrannosaurus Rex.

L-unjoni tal-Pulizija Spanjola ħeġġet lin-nies biex ma jippruvawx iqarrqu bil-Pulizija.