Ħarbu minn Malta b’passaport falz: intbagħtu lura minn Ruma

Read in English.

Tliet immigranti li rnexxielhom jagħmluha sa Ruma b’passaporti foloz, weħlu sitt xhur ħabs talli kisru l-liġi.

Is-Sudaniżi li jgħixu fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far ammettew l-akkużi miġjubha kontrihom wara li ġew arrestati nhar il-Ġimgħa.

It-tliet irġiel irnexxielhom jakkwistaw dokumenti foloz. Wieħed minnhom lanqas biss kellu ritratt tad-detentur fuqu, iżda xorta rnexxielhom jivvjaġġaw barra minn Malta, għalkemm ma damux wisq b’din l-avventura.

Is-Sudaniżi ġew arrestati mal-wasla tagħhom f’Ruma u ntbagħtu lura Malta mill-ewwel.

Waqt is-smigħ tal-każ, l-irġiel ammettew li użaw dokumenti foloz u qalu li kienu akkwistawhom minn persuni terzi li ltaqgħu magħhom f’ħanut fil-Ħamrun. L-avukat tad-difiża innutat li l-akkużati kkooperaw bis-sħiħ mal-pulizija.

Wieħed mill-akkużati sostna li ried ifittex jitlaq minn Malta għax għaraf li m’għandux sigurtà personali wara li seħħew l-irvellijiet fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far stess.

AQRA: 60 arrestati minn 300 li ħadu sehem

Raġel ieħor mill-akkużati qal li hu ma ngħatax it-trattament mediku li kien jinħtieġ. L-avukat difensur qalet li l-aktar piena xierqa li għandhom jingħataw hija sentenza sospiża.

Madankollu, wara li nstemgħu ukoll is-sottomissjonijiet mill-prosekuzzjoni, il-Qorti sabet is-Sudaniżi ħatja u kkundannat lil kull wieħed sitt xhur ħabs.