Ħarbex bil-Malti u irbaħ

Aqbad il-pinna, esprimi ruħek, u x-xogħol tiegħek jista' jiġi ppremjat kif ukoll ikun ippubblikat fuq ktejjeb li jitqassam b'xejn fid-djar.
Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun qed jorganizza l-Konkors Letterarju Annwali, konkors li jagħti ċans lil kulħadd minn tfal sa adulti biex jieħdu sehem u jesprimu l-ħsibijiet tagħhom permezz tal-kitba bil-Malti.
Dan il-Konkors hu maqsum f'erba' kategorija: 

  • rakkont bid-djalett Żejtuni, 
  • poeżija mill-adulti, 
  • rakkont ġenerali, u 
  • kategorija għat-tfal u ż-żgħażagħ sa 18-il sena (rakkont jew poeżija).

Ir-Rakkont ġenerali din is-sena jista' jkun dwar xi aspett storiku jew kulturali fiż-Żejtun jew dwar l-għajxien ta' missirjietna u llum fi triq jew inħawi partikolari taż-Żejtun (il-ħajja tat-triq fl-imgħoddi). 
Dan il-Konkors Letterarju apparti li jagħtik opportunità biex tepsrimi ruħek bil-kitba, dawk li jiġu l-ewwel post fil-kategorija jirbħu premju ta' €50. Il-parteċipant li jiġi fl-ewwel post tar-rakkont bid-djalett jirbaħ ukoll il-Premju Lino Psaila, filwaqt dak il-parteċipanti li jġib l-ogħla punteġġ fil-poeżija jirbaħ il-Premju Frans Baldacchino (il-Budaj).
Il-parteċipanti kollha jingħataw ċertifikat ta' parteċipazzjoni. 
Is-sottomissjonijiet iridu jaslu għand il-Kunsill Lokali taż-Żejtun jew permezz ta' e-mail fuq chircop.sean@gmail.com sa mhux aktar tard mis-Sibt 24 ta' Frar, 2018. Kull individwu jista' jissottometti sa żewġ xogħlijiet letterarji u kull sottomissjoni hi bla ħlas. Kull kitba tiġi eżaminata minn ġurija esperta.
L-aqwa kitbiet sottomessi jinqraw waqt is-serata ta' Ġieħ iż-Żejtun, li ssir f'Jum il-Kunsill, it-Tnejn 19 ta' Marzu, 2018. Il-kitbiet li jilħqu l-kriterji mixtieqa jiġu ppubblikati fi ktejjeb li dan jitqassam b'xejn lill-pubbliku. 
Tista' tara dan id-dokument għal aktar informazzjoni, inkluż it-Termini u l-Kundizzjonijiet: