Ħarab minn ċentru ta’ detenzjoni “bi żball”

Ġuvni ta’ 19-il sena tressaq il-Qorti akkużat t-Tnejn li għadda ħarab miċ-ċentru ta’ ditenzjoni f’Ħal Safi bi żball. Huwa qal li ma kienx jaf li kienet ħarba.

Il-ġuvni li huwa mis-Sudan ġie akkużat li kisser bieb u kkaġuna ħsara fuq bieb taċ-ċentru ta’ ditenzjoni li tammonta għal madwar €400. Madankollu fil-Qorti ħareġ li ma kienx għad hemm stima tal-ħsara li saret.

L-Ispettur Roderick Attard qal li l-ġuvni ġie arrestat it-Tlieta filgħodu għall-ħabta tas-1.30am viċin l-ajruport. L-akkużat permezz ta’ interpretu spjega li hu flimkien ma’ persuna oħra ġew mibgħuta ġo kontejner barra miċ-ċentru. Kompla li l-ewwel bieb kien miftuħ madankollu t-tieni bieb kien mgħassess mill-istaff. Huwa għamel il-forza u rnexxielu jiftaħ il-bieb, qabeż ċint u ħarab.

Meta sema’ hekk il-Maġistrat staqsa jekk iż-żagħżugħ kienx qed jammetti l-akkużi kontrih u fakkru l-piena minima li jista’ jingħata, dik ta’ sitt xhur ħabs. L-akkużat wieġeb li kien bil-ġuħ u ma kienx jaf x’inu jagħmel għalhekk spiċċa barra. Insista li dan kien żball.

L-akkużat kompla li hu mhux jammetti li ħarab iżda li nstab barra. Il-Qorti staqsiet lir-raġel kif ma kienx jaf li din kienet ħarba jekk qabeż ċint u għamel il-forza mal-bieb biex jiftħu. Huwa qal li mar barra imma ma kienx jaf li qed jaħrab.

Min-naħa tiegħu l-avukat tad-difiża qal li l-klijent tiegħu mhux ħati madankollu ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.