Spiċċa f’siġġu tar-roti wara li ħarab miċ-ċentru ta’ Ħal Safi

Luke Zerafa

Read in English.

Raġel li wieġeb ħati li ħarab miċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Ħal Safi ngħata sentenza sospiża. Hu spiċċa f’siġġu tar-roti minħabba l-ġrieħi li sofra waqt l-inċident.

Fil-Qorti nstema’ kif Mohammed Sellem mill-Marokk kien ilu jgħix fiċ-ċentru għal tliet xhur meta ħarab flimkien ma’ grupp ta’ nies. L-inċident seħħ fil-15 ta’ Lulju.

L-akkużat li deher il-Qorti f’siġġu tar-roti b’sieq infaxxata wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Roderick Attard qalet li ġurnata wara l-inċident, 12-il persuna tressqu l-Qorti u ngħataw sentenza ta’ sitt xhur priġunerija.

L-avukat tad-difiża Joe Brincat rrefera għall-istat li fih kien jinsab l-akkużat u talab lill-Qorti għall-ħniena.

Brincat qal li meta Sellem weġġa’ waqt li kien qed jaħrab kellu jqatta’ xahar l-isptar. Kellu bżonn ukoll żewġ operazzjonijiet. Qal ukoll li sema’ li bħalissa l-ħabs huwa ffullat u li hemm priġunieri reqdin mal-art. Brincat qal li sentenza sospiża tkun adegwata f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Il-Maġistrat ikkunsidra ċ-ċirkostanzi tal-każ u ta sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiża għal sentejn lill-akkużat.