Ħamsin sena jagħti l-ħajja liċ-ċelebrazzjonijiet f’Bormla

Santu Wistin kien jgħid li “min ikanta jkun qed jitlob darbtejn.” Bla dubju l-kant huwa parti importanti mil-Liturġija tal-Knisja u jagħti ħajja liċ-ċelebrazzjoniet fil-knejjes tagħna.
Il-kor Tota Pulchra qed jiċċelebra 50 sena ta’ servizz fis-Santwarju Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata f’Bormla.
Tista’ tgħid li mill-1966, meta l-kor, magħmul minn Bormliżi li għandhom għal qalbhom il-liturġija, twaqqaf mill-Arċipriet Dun Victor Cilia u s-Sur Joe Flask, qatt ma waqaf jagħti servizz.
Kemm jekk funeral, tieġ jew inkella l-festa tal-Immakulata, il-kor dejjem ta ħajja lil-liturġija.
Fost is-servizzi l-aktar importanti tal-kor Tota Pulchra huma dawk li jagħti fil-quddies tan-Novena bi preparazzjoni għall-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsir fi bliet u rħula oħra, din in-novena ssir kmieni filgħodu, bil-quddiesa tibda fil-5:45am.
Filgħaxija mbagħad, il-kor jingħaqad mal-orkestra għaċ-ċelebrazzjoni magħrufa mal-Bormliżi bħala s-Salve.
Iżda bla dubju, iċ-ċelebrazzjoni li għaliha l-kor ikun armat sa snienu, hija dik tal-aħħar jum tan-Novena tal-Immakulata, fis-sebħ tas-7 ta’ Diċembru.
Apparti min hekk, dan l-istess kor jagħti sehemu f’għadd ta’ festi li jkunu ċċelebrati fil-knejjes madwar Malta u Għawdex.
Biex ikun iċċelebrat dan l-anniversarju, il-kor se jtella’ Oratorju bit-titlu “Tota Pulchra,” kliem ta’ Sunny Aquilina u mużika ta’ Maestro Michael Camilleri li huwa wkoll l-organista tal-kor, taħt id-direzzjoni tad-direttur Walter Tonna.
Dan se jsir nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru fis-7:30pm fil-Kolleġġjata u tista’ tgħid li se jimmarka l-bidu tal-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.

Ritratt: Mark Micallef Perconte