Ħamsa mejta fil-maltempati fl-Amerka

L-urugan Florence, issa qed jiġi meqjus bħala maltempata tropikali. Il-maltempata li laqtet il-kosta tal-Lvant tal-Amerka kompliet tgħerreq is-siġar u tkisser id-djar. S’issa ġew reġistrati ħames persuni mejta b’relazzjoni mal-maltemp li feġġ fil-pajjiż.

Eluf ta persuni oħra spiċċaw jgħixu f’postijiet tal-kenn ta’ emerġenza. Jidher li omm u tarbija inqatlu wara li waqgħet siġra fuq darhom. Missier it-tarbija ittieħed għal kura l-isptar. Żewġ irġiel imdaħħla fiż-żmien inqatlu kaġun tal-maltempata wara li wieħed kien qed jipprova jqabbad generator u l-ieħor miet wara li ħareġ jiċċekja l-klieb barra daru.

L-aħħar persuna li ġiet irrapurtata mejta minħabba l-maltemp jidher li mietet b’attakk tal-qalb hekk kif il-persuni ta’ salvataġġ ma setgħux jagħtuha l-għajnuna minħabba li t-triq tagħha kienet imblukkata minn siġar imwaqqgħa.