Hamilton jirbaħ it-82 Grand Prix fir-Russja

Lewis Hamilton rebaħ it-82 Grand Prix ġewwa r-Russja wara li l-isfida ta’ Ferrari sfumat fix-xejn. Charles Leclerc ta’ Ferrari spiċċa fit-tielet post. Hu naqas milli japrofitta mill-pole position.

Għall-ewwel dehret diffiċli biex l-istilla Ingliża jirbaħ għax ġie relegat għat-tielet post fl-ewwel ħinijiet tat-tellieqa. Vettel ħareġ sparat quddiemu u saħansitra qabeż lil sieħbu Leclerc. Kien ċar li qabel it-tellieqa t-tim ta’ Ferrari qabel li jekk Vettel jirnexxielu jmur fuq quddiem, fl-aħħar kellu jagħmel il-wisa lil Leclerc biex jgħaddi qablu.

Eventwalment il-karozza ta’ Vettel kellha xi problemi bil-magna u Hamilton ħa l-opportunità biex jieħu r-riedni f’idu.