Hamilton jgħid li m’għandux sintomi wara li ltaqa’ ma’ Elba

Ir-rebbieħ tal-Formula 1 Lewis Hamilton qal li għamel perjodu t’iżolazzjoni wara li riċentament ġie ippublikat ritratt tiegħu flimkien mal-attur Idris Elba. Elba rriżulta pożittiv għall-coronavirus.

Hamilton li għandu 35 sena attenda attività f’Londra aktar kmieni dan ix-xahar flimkien ma’ Elba.

Il-mara tal-Prim Ministru Kanadiż Sophie Gregoire Trudeau wkoll irriżultat pożittiv għall-coronavirus. Hija attendiet ukoll l-istess attività.

Fi stqarrija Hamilton qal li hu qed iħossu tajjeb. Stqarr li kien hemm spekulazzjonijiet rigward saħħtu f’dawn l-aħħar jiem wara li deher f’ritratti waqt l-attività. Qal li l-avveniment ilu li sar aktar minn ħmistax u hu ma kellu l-ebda sintomu. Qal li tkellem ma’ Idris u jidher li hu jinsab tajjeb.