Ħames żwiemel ġodda għall-Kavallerija

Jitbierku ħames żwiemel ġodda li ġew mixtrija għat-taqsima tal-Kavallerija f’ċerimonja fil-Belt Valletta.

L-erba’ żwiemel u d-debba nxtraw mill-Irlanda u se jikkumplimentaw iż-żwiemel li preżentament hemm fil-Kavallerija. Iż-żwiemel il-ġodda qed jitħarrġu kuljum fid-dixxiplini ta’ remount training, crowd control u obedience.

Il-Ministru għas-Sigurtá Nazzjonali Michael Farrugia rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex jinġiebu ż-żwiemel f’pajjiżna u lil dawk li ta’ kuljum jaħdmu fi ħdan il-Kavellerija.

Il-Kummissarju Lawrence Cutajar qal li hu sinjal tajjeb li t-taqsimiet tal-Korp ikunu mgħammra bl-għodda kollha meħtieġa iżda s-suċċess tagħhom jiddependi mid-dedikazzjoni tal-membri.

Il-Kavallerija ta’ Malta mwaqqfa 159 sena u fost il-qadi prinċipali tagħha tipprovdi s-servizzi tagħha fi skorti u f’ċerimonji mal-President tar-Repubblika ta’ Malta, f’okkażjonijiet speċjali u ma’ dinjitarji u ma’ kapijiet ta’ stati barranin li jżuruna.

Is-sezzjoni tal-Kavallerija twettaq rondi fit-toroq Maltin biex iżżomm l-ordni fil-pubbliku u fejn ikun hemm attivitajiet tal-massa fi stadiums u fil-Korsa tal-Marsa.