Ħames suldati pożittivi għad-droga fl-2017

Ħames membri tal-Forzi Armati instabu pożittivi għat-test tad-droga fl-urina. Il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia qal li matul is-sena li għaddiet saru 235 test tal-urina fost il-membri tal-Forzi Armati skont policy interna dwar abbuż tad-droga.
Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin saru 1,837 test tal-urina fuq id-detenuti u fost dawn 110 irriżultaw pożittivi għad-droga.
Il-Ministru kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Huwa qal li l-Forzi Armati ħadet il-passi kontra dawn il-membri skont kif titlob il-policy msemmija.
Il-Ministru qal li matul l-istess perjodu ma kien hemm l-ebda talba min-naħa tal-korp tal-pulizija biex isiru eżamijiet tossikoloġi tal-urina għax ma nħassetx il-ħtieġa li jsir dan perezz li ma kien hemm l-ebda suspetti ta’ abbuż minn sustanzi illegali fost il-membri tal-korp tal-pulizija. Fl-istess ħin skont prazssi ġdida, ir-rekluti ġodda li kien hemm fl-istess sena kollha sarulhom testijiet tal-urina qabel l-ingaġġ u r-riżultat kienu kollha fin-negattiv.
Ritratt: Mill-Arkivji