Ħames saċerdoti nqatlu fl-Afrika Ċentrali s-sena li għada kif spiċċat

Il-Katidral fejn sar il-massakru f'Alindao quddiem suldati tan-NU

“L-Afrika Ċentrali inqabdet f’kobba mħabbla ta’ interessi u ndħil barrani u m’hix taqdi dmirha fil-komunità internazzjonali u m’hix kapaċi tiggverna lilha nnifisha”.

Din ir-riflessjoni esprimiha Fr Federico Trinchero,  missjunarju Karmelitan li jaħdem f’Banguia. “L-element konfessjonali fil-pajjiż ikompli  jivvelena l-cocktail”, jgħid il-Patri waqt li jfakkar il-massakru li sehh f’Alindao fil-15 ta’ Novembru f’kamp għall-persuni li kellhom jaħarbu minn djarhom u li jinsab qrib il-Katidral.

Il-ħsibijiet ta’ Fr Federico kienu rappurtati mill-Aġenzija tal-Aħbarijiet FIDES  ftit jiem ilu.

Huwa qal li l-massakru f’Alindao “twettaq quddiem is-suldati tan-Nazzjonijiet Uniti li m’għamu xejn biex iwaqqfuh għalkemm għandhom mandat biex jipproteġu lin-nies ċivili. Fost il-vittmi, barra nisa kien hemm ukoll tfal u anzjani u żewġ qassisin, Fr Celestin u Fr Blaise.  Il-kuraġġ kbir li wera l-Isqof żagħżugħ Mons. Cyr-Nestor Yapaupa, ma ħallietx li l-massakru jkun akbar milli fil-fatt kien.

“L-Isqof minflok ma laqa’ n-nies li bdew ifittxu kenn fil-Katidral, ordnalhom li jaħarbu lejn il-foresta. Kieku l-insara ma obdewħx in-numru ta’ mejta kien ikun ħafna akbar. Madankollu hu u xi saċerdoti oħra baqgħu hemm.

Ftit jiem wara l-massakkru saret laqgħa għas-saċerdoti f’Bangui. Fosthom kien hemm Fr Donald li kien għadu kif wasal minn Alindao fejn kien ilu għal xi ġimgħat jgħin fid-djoċesi. Bilkemm kien għadu kif laħaq qassis u diġa’ kien ra tnejn imutu quddiem għajnjeh.

Fr Federico qal li l-istudenti tiegħu huma l-qassisin futuri tal-Afrika ċentrali. Diġà raw il-gwerra u issa qegħdin jistudjaw fis-seminarju ta’ Bangui għax iridu jagħmlu l-istess xogħol li għamlu Fr Celestin u Fr Blaise.  Wara l-massakru Fr Federico staqsihom jekk ikomplu fit-triq li qabdu u jekk kienux konxji tal-perikli kbar li kien hemm jistennewhom.

Meta saritlu din il-mistoqsija, wieħed mis-seminaristi wieġeb “jien imbeżżgħa ħafna, iżda mhux se nibdel fehmti. Xorta rrid insir qassis. Ma għandi ebda xewqa nibdel ix-xogħol li għażilt”.

Matul l-2018 ħames qassisin u għexieren ta’ nsara inqatlu waqt li kienu qed jieħdu sehem f’ċelebrazzjonijiet qrib il-knejjes tagħhom. “Irridu Knisja żagħżugħa u fraġli, iżda li ma taħrabx mill-għadu” qal Fr Federico lill-Aġenzija FIDES.